Lokali

Kollox lest għall-ftuħ tal-postijiet tal-votazzjoni

Fl-ewwel jum tal-votazzjoni għall-ħatra ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista, l-Kummissjoni Elettorali tixtieq tieħu l-opportunità sabiex pubblikament tirringrazzja lil dawk kollha li ħadmu f’dan il-proċess sabiex fi ftit żmien torganizza din l-elezzjoni, proċess li ra aktar minn 500 persuna jipparteċipaw fl-organizzazzjoni f’ xi stadju tiegħu.

Fi stqarrija, ic-Chairperson tal-Kummissjoni Elettorali tal-Partit Nazzjonalista stqarr kif wara li nhar l-Erbgħa għalaq iż-żmien sabiex it-tesserati jġeddu t-tessera tagħhom, l-Uffiċċju Tesseri stabilixxa li 21,499 persuna huma eliġġibli li jipparteċipaw f’dan il-proċess demokratiku f’madwar 19 il-post tal-votazzjoni f’Malta u Għawdex.

Il-Kummissjoni Elettorali tfakkar li ħadet il-prekawjonijiet kollha relatati mal-pandemija tal-COVID-19. Il-Kummissjoni tieħu din l-opportunità sabiex tirringrazzja lis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika u l-istaff kollu għall-ħidma li qed jagħmlu sabiex pajjizna jiġġieled il-pandemija tal-COVID-19. Il-positijiet tal-votazzjoni huma kollha mħejjija skont id-direttivi tas-Supretendent tas-Saħħa Pubblika. Il-Kummissjoni tfakkar lil dawk li se jipparteċipaw f’din l-elezzjoni li jridu jżommu d-distanza soċjali meta qiegħdin jistennew biex jivvotaw. Se tittieħed it-temperatura ta’ kull persuna hija u dieħla fil-post tal-votazzjoni, l-maskra hija obligatorja u l-votanti jistgħu jieħdu lapes jew pinna tagħhom sabiex jimmarkaw il-polza tal-vot.

Il-Kummissjoni Elettorali tfakkar li l-votazzjoni li tibda llum u tkompli għada s-Sibt 26 ta’ Settembru 2020, imbagħad terġa tiftaħ l-Erbgħa 30 ta’ Settembru (għal-nies bi problemi ta’ aċċessibilita u vulnerabbli), u tkompli l-Hamis, l-Ġimgħa u s-Sibt, l-1, 2 u 3 ta’ Ottubru. Dakinhar mal-għeluq tal-votazzjoni jibda l-proċess tal-għadd tal-voti. It-tesserati huma imfakkra li biex jitħaffef il-proċess tal-votazzjoni huma mħeġġa jieħdu magħhom l-ittra tal-vot li ntbagħatitilhom u jridu jieħdu magħhom jew il-karta tal-identità jew il-liċenzja tas-sewqan. Mingħajr wieħed minn dawn il-mezzi ta’ identifikazzjoni it-tesserat ma jkunx jista’ jivvota.

Il-Kummissjoni tħabbar li l-avviż bi dritt għall-vot jekk jintilef jista’ jintalab ieħor sa nhar il-Ġimgħa 2 ta’ Ottubru mid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista. Kull tesserat/a jista’ xorta jivvota mingħajr dan l-avviz billi juża l-karta tal-identita.

Il-Kummissjoni tieħu din l-opportunita’ sabiex tirringrazzja pubblikament liż-żewġ kandidati li qed jipparteċipaw f’din l-elezzjoni għall-mod kif sal-lum mexxew il-kampanji tagħhom u tawgura li dan l-ispirtu jibqa’ matul din l-aħħar fażi tal-proċess ta’ votazzjoni.