Lokali

Konferma li kienet arrestata r-raba’ persuna

Ritratt: Meħud mill-portal tax-Xandir Nazzjonali
It-tliet persuna l-oħra arrestati kienu Keith Schembri, Brian Tonna u Karl Cini

F’kummenti li ta lill-media, il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà kkonferma li kienu erbgħa l-persuni ġew arrestati matul il-lejl bejn it-Tnejn u t-Tlieta fejn l-erbgħa li huma, ingħataw l-police bail hekk kif l-investigazzjonijiet qed ikomplu.

Iċ-chief of staff tal-eks Prim Ministru Keith Schembri, u Brian Tonna kif ukoll Karl Cini, ġew arrestati fuq suspett ta’ ħasil ta’ flus wara li l-assi tagħhom ġew iffriżati b’ordni tal-qorti.  Huma ġew meħlusa wara l-interrogazzjoni li saritilhom iktar kmieni din il-ġimgħa. 

Iżda l-Ġimgħa kien ikkonfermat li kienet arrestata wkoll ir-raba’ persuna li l-identità tagħha għadha mhux magħrufa. 

F’kummenti lil Times of Malta Angelo Gafà qal li l-investigazzjonijiet ilhom isiru għal dawn l-aħħar snin. Huwa żied jgħid li l-arresti saru wara li ħarġu dokumenti tal-qorti. 

Jekk jinstabu ħatja ta’ ħasil ta ’ flus, Keith Schembri u Biran Tonna jistgħu jiffaċċjaw sa 18-il sena ħabs u multa massima ta’ € 2.5 miljun. Lista twila ta’ nies oħra msemmija fl-‘ordni ta’ sekwestru’ tal-qorti jistgħu jaffaċċjaw l-istess piena jekk jinstabu ħatja.