Futbol Sport

Mil-lejla jingħata bidu għat-tieni ġurnata tal-Kampjonat BOV Premier

(Ritratt: Catriel Farrugia)

Mil-lejla jingħata bidu għat-tieni ġurnata tal-Kampjonat BOV Premier bl-aktar żewġ partiti li jispikkaw ikunu Balzan kontra Valletta u Hibernians kontra Floriana.

Fl-ewwel partita tagħhom kemm Valletta kif ukoll Balzan bdew b’rebħa. Valletta għelbu lil wieħed mill-isfidanti ewlenin għat-titlu dan l-istaġun, Birkirkara 4-2 filwaqt li Balzan għelbu lil Tarxien Rainbows 1-0 b’penlaty fit-tieni taqsima.

Hibernians konta Floriana se tkun partita bejn żewġ timijiet li se jkunu qed jisfidaw għall-unuri din is-sena. Iż-żewġ timijiet kienu mpenjati b’numru ta’ partiti fl-Ewropa qabel beda l-istaġun. Fl-ewwel ġurnata tal-kampjonat, Hibernians sofrew telfa ta’ 3-1 kontra Sliema Wanderers minkejja li kienu huma li marru fil-vantaġġ. Floriana minn naħa tagħhom għelbu lil Gżira United 2-1 minkejja li t-tim Furjaniż kellu numru ta’ elementi importanti neqsin.

Birkirkara se jkunu qed jittamaw li jiksbu l-ewwel punti tal-istaġun meta jilgħabu kontra Mosta. Minkejja t-telfa kontra Valletta, Birkirkara dan l-istaġun xorta waħda għandhom ikunu ma’ ta’ quddiem biex jisfidaw għar-rebħ tat-titlu. Mosta minn naħa tagħhom, bdew l-istaġun bi draw ta’ 2-2 kontra Gudja United fejn minkejja li kienu darbtejn fil-vantaġġ ma rnexxielhomx jiksbu t-tliet punti.

Sliema Wanderers se jkunu qed jittamaw li jkomplu fuq dak li kisbu fl-ewwel ġurnata u jirbħu kontra Sirens. Sliema kienu wieħed mill-aktar timijiet attivi f’dan is-suq tat-trasferimenti u akkwistaw numru ta’ plejers importanti li żgur se jkunu ta’ għajnuna matul dan il-kampjonat. Sirens iddiżappuntaw fl-ewwel partita fejn sofrew telfa ta’ 5-1 kontra Ħamrun Spartans fejn spikkaw il-problemi fid-difiża għat-tim ta’ Steve D’Amato.

Gżira United se jkunu qed jinżlu għall-partita kontra Tarxien Rainbows b’determinazzjoni li jiksbu l-ewwel tliet punti tal-istaġun. Għalkemm għadu kmieni telfa għal Gżira tfisser li jkollhom distakk ta’ sitt punti x’jirkupraw mit-timijiet ta’ quddiem. Tarxien, kienu sfortunati fl-ewwel partita tagħhom meta minkejja l-prestazzjoni pożittiva tilfu 1-0 konta Balzan.

Ħamrun Spartans kellhom bidu tal-ħolm, meta fl-ewwel partita kontra Sirens kisbu rebħa kbira ta’ 5-1 fejn urew li dan l-istaġun se jkunu wieħed mit-timijiet li se jisfida għall-unuri. Santa Lucia kisbu draw ta’ 2-2 kontra Żejtun Corinthians, bil-partita kontra Ħamrun żgur se tkun waħda diffiċli għat-tim ta’ Oliver Spiteri.

Senglea Athletic se jkunu qed jittamaw li jtejjbu l-prestazzjoni tagħhom kontra Żejtun Corinthians, wara li fl-ewwel partita kontra Lija Athletic sofrew telfa ta’ 4-0 minkejja li kienu bi plejer aktar. Żejtun Corinthians kellhom bidu pożittiv fl-ewwel esperjenza tagħhom fil-Kampjonat BOV Premier fejn kisbu draw ta’ 2-2 kontra Santa Lucia, biż-Żwieten ikunu aħjar fil-grawnd.

Is-sorpriża tal-ewwel ġurnata kienu Lija Athletic fejn minkejja li kienu bi plejer anqas kisbu rebħa kbira ta’ 4-0 kontra Senglea bl-eroj ikun l-attakkant Erjon Beu fejn se jkun qed jittama li jkun fl-istess forma kontra Gudja United, li minn naħa tagħhom bdew bi draw ta’ 2-2 kontra Mosta.

Logħob li jmiss
Kampjonat BOV Premier
Illum: Stadium Nazzjonali: Senglea A. – Zejtun C. 5.00pm, Sirens – Sliema W. 9.15pm, Għada: Centenary Stadium: B’Kara – Mosta 5.00pm, Gżira Utd. – Tarxien R. 9.15pm, Stadium Nazzjonali: Gudja Utd. – Lija A. 5.00pm, Balzan – Valletta 9.15pm, Il-Ħadd: Stadium Nazzjonali: Santa Lucia – Ħamrun S. 5.00pm, Hibernians – Floriana 9.15pm


Kampjonat BOV Challenge League
Illum: Luxol Stadium
: St. Andrews v Fgura U. 7.30pm, Għada: Victor Tedesco Stadium: Żebbuġ R. v Mqabba 5.00pm, Swieqi U. v St. George’s 9.15pm, Il-Ħadd: Centenary Stadium: Qormi v Naxxar L. 5.00pm, San Ġwann v Qrendi 9.15pm, Victor Tedesco Stadium: Pembroke A. v Pieta H 5.00pm, Marsa v Vittoriosa S. 9.15pm