Lokali

Min hu fil-bżonn ta’ dar ilu minsi 7 snin minn Gvern Laburista li hu tal-ftit

Permezz ta’ stqarrija, Viċi Kap għall-Affarijiet Parlamentari u Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Familja b’Saħħitha, Solidarjetà Soċjali, Pensjonijiet Adegwati u Sostenibbli u Drittijiet tat-Tfal David Agius u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Akkomodazzjoni Soċjali, l-Glieda kontra l-Faqar ta’ Kull Tip, Solitudni u l-Esklużjoni Soċjali Ivan Bartolo stqarrew li l-Ministru Laburista Roderick Galdes jrid jagħti l-impressjoni li l-problema tal-akkomodazzjoni soċjali f’pajjiżna  qed jsolviha hu bis- soltu diska u kantaliena li Gvern Nazzjonalista m’għamel xejn f’għexieren tas-snin. Il-messaġġ huwa dak li meta jitilgħu fil-Gvern, ix-xemx fuq Malta titla’ mill-ġdid. Li Gvern Nazzjonalista bena eluf ta postijiet għall-familji Maltin, kulħadd jafha anke jekk imeru s-sewwa magħruf.

Biex nżidu ma’ dan, issa l-Gvern Laburista qed jilqa’ proposti mill-Partit Laburista li qed ifassal il-manifest elettorali. Ovvjament magħna, mal-Partit Nazzjonalista, Roderick Galdes ma weriex l-interess li jiltaqa’. Dan avolja offrejna u tajna proposti. Dan wara li kien dejjem Gvern Nazzjonalista li dejjem bena d-djar u rranġa postijiet għal kulħadd, ikun x jkun il-politika li jħaddnu. Dan Kollu juri biċ-ċar li Gvern Laburista hu tal-ftit, ta’ dawk li huma ġejjin mill-familja Laburista biss.

Infakkru lil Ministru Galdes li llum sfortunatament spiċċajna b’nies imutu barra fit-triq għax m’għandhomx fejn joqogħdu. Wieħed jispiċċa jidħak jisma’ lill-Partit Laburista jitkellem fuq strateġija f’dan is-settur meta jidher biċ-ċar min-nuqqas ta’ riżultati miksuba li qatt ma kien hemm. Mhux hekk biss, imma l-pressjoni li kien hemm għal kiri jew xiri ta’ propjeta privata, partikolarment mill-barranin li jaħdmu Malta, wasslet bien aktar Maltin u Għawdxin ma jistgħux  isibu fejn joqogħdu minħabba żieda fil-kirjiet jew prezzijiet. Fuq il-housing benefit, ta’ minn is-Segretarju Parlamentari jgħidilna kemm din tammonta ras għal ras, għax ċerti li din ftit jew wisq tagħmel differenza fil-ħajja ta’ dak li jkun, anke minn hu vulnerabbli jew fil-bżonn.

Ejja ma nħallux lil min jrid jkompli jitfa’ l-bżar fl-għajnejn, lil min nesa’ għal 7 snin sħaħ lil min hu fil-bżonn ta’ dar u bżonnijiet oħra bażiċi.