Futbol Sport

Sliema miżmuma minn Sirens

(Ritratt: Catriel Farrugia)

Sirens……………………………..0

Sliema Wanderers……………….0

Sirens: D. Cassar, J. Pearson, R. Grech, W. De Oliveira (J. Walker 82’), R. Dos Anjos, M. Maia (M. Mifsud 87’), W. Domoraud, S. Tounkara (A. Borg 65’), T. Agius, R. Romao, T. Espindola

Sliema: J. Galea, A. Satariano (D. Holla 59’), K. Shaw, J. Mintoff (D. Vukovic 79’), M. Scerri (S. Grech 71’), J. Cisotti, R. Kisil (A. Milesi 71’), G. Aquilina, A. Linton, J.P. Farrugia (D. Comvalius 79’), M. Beerman

Referee: Emanuel Grech

Assistent referees: Duncan Sultana, Paul Apap.

Sliema kienu miżmuma fi draw ta’ mingħajr gowls minn Sirens fit-tieni partita fis-Centenary Stadium. Fl-ewwel partita tal-istaġun, Sliema rebħu 3-1 kontra Hibernians filwaqt li Sirens kienu għadhom kif ġejjin minn telfa umiljanti ta’ 5-1 kontra Ħamrun Spartans. Kienu Sliema li fetħu tajjeb fejn fl-ewwel minuti ddominaw il-pusses tal-ballun u wara tliet minuti kienu perikolużi permezz ta’ corner ta’ Myles Beerman li sab lil Aquilina li l-konklużjoni tiegħu mill-viċin kienet blukkata mid-difiża ta’ Sirens.

Fis-sitt minuta x-xutt ta’ Aqulina għadda ftit barra. Fl-14 il-minuta Sliema għal darb’oħra perikolużi meta minn kontrattakk veloċi, il-pass ta’ Farrugia sab lil Satariano, li x-xutt tiegħu kien blukkat fil-ħin minn Romao. Bil-partita tkompli tiżvolġi f’nofs il-grawnd, Sliema resqu ferm viċin li jiftħu l-iskor fid-39 minuta meta x-xutt mid-distanza tal-captain Mark Scerri stampa mal-wieqfa. Fl-45 minuta, Sliema għal darb’oħra perikoluża meta minn corner ta’ Beerman, Jean Paul Farrugia waħdu fil-kaxxa naqas milli jinkwadra l-lasta.

Sirens fetħu aħjar fit-tieni taqsima u fil-50 minuta minn pass ta’ Maia kien De Oliviera li minn pożizzjoni tajba kkonkluda ċentrali f’idejn Galea. Mas-siegħa logħob, Sirens spiċċaw jilgħabu b’għaxar plejers meta Thiago Espindola ntwera t-tieni karta safra għall-foul fuq Mark Scerri. Mill-freekick sussigwenti s-sostitut Danny Holla mpenja b’diffikultà lil Cassar.

Fis-66 minuta Sliema wkoll spiċċaw jilgħabu b’għaxra meta Antonio Linton ntwera t-tieni karta safra wara fawl fuq Maxuell Maia. Fis-67 minuta Sirens ingħataw freekick minn pożizzjoni tajba wara foul ta’ Mintoff fuq De Oliveira. Romao naqas milli japprofitta u l-freekick sussigwenti mar għoli mill-lasti ta’ Galea.

Fis-86 minuta Sliema resqu ferm viċin l-gowl tar-rebħa meta x-xutt bid-dawra ta’ Juri Cisotti għadda ftit barra. Fid-90 minuta Sirens setgħu ħadu t-tliet punti meta minn kontrattakk veloċi kien Vokovic li b’daħla perfetta waqqaf lil Domoraud milli jikkonkludi.