Internazzjonali

Stati Uniti: In-nirien ta’ Kalifornja huma xprunati mill-‘global warming’

Il-bidliet fil-klima – fenomenu magħruf bħala global warming – qegħdin imexxu u jżidu l-iskala u l-impatt tan-nirien riċenti qalb foresta u territorju aħrax fl-Istat ta’ Kalifornja.Dan qaluh ix-xjenzati, permezz ta’ analiżi li ddeterminat ‘l-impatt konsiderevoli u indiskutibbli’ mill-global heating li qed jixpruna l-kundizzjonijiet għal dawn in-nirien ta’ qilla straordinarja.

L-Istat ta’ Kalifornja, illum, sar aktar dispost għat-theddida tan-nirien milli qatt kien fiż-żmenijiet qabel l-attivitajiet tal-bniedem bdew jaffettwaw il-klima, fost l-iżviluppi tal-global warming u l-effetti inevitabbli  għaz-zoni partikulari.

Sadanittant, ix-xjenzati qalu li problemi fl-immaniġġjar tal-artijiet fejn qabdu n-nirien ma jistgħux ikunu l-kaġun ewlieni għan-nirien hekk kbar. Dan wara li l-President Amerikan, Donald Trump, qal — waqt li kien qed jiddiskuti l-kriżi tan-nirien f’Kalifornja – li l-‘management ħażin tal-foresti jaħti għal dawn in-nirien ‘storiċi’.

In-nirien li ilhom jaqbdu f’Kalifornja minn Awwissu qed ikunu mfissra bħala l-agħar wildfires f’dan l-Istat għal 18-il sena. F’dawn in-nirien mietu aktar minn 30 persuna, b’eluf ta’ nies ikunu kostretti li jaħarbu minn djarhom.

Il-kawża tan-nirien, intant, inbidlet ‘f’ballun politiku’, bil-Gvernatur ta’ Kalifornja, Gavin Newsom, ukoll isostni li l-bidliet fil-klima huma l-kaġun tal-kriżi li hi kważi mingħajr preċedent fl-istorja moderna.