Lokali

Stqarrija tal-Kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista f’San Pawl il-Baħar

Issir referenza għad-deċiżjoni tal-Kunsill Lokali San Pawl il-Baħar fejn il-maġġoranza tal-kunsillieri, inkluż il-kunsillieri kollha tal-Partit Nazzjonalista, permezz ta’ mozzjoni mressqa mill-Minority Leader Graziella Galea u ssekondata mill-kunsillier Anthony Delia, ġie deċiż li l-Kunsill għandu joġġezzjona għall-applikazzjoni PA 4718/20, liema applikazzjoni tinkludi iktar żvilupp fiż-żona tal-pompa tal-petrol f’Burmarrad.

Il-kunsillieri tal-Partit Nazzjonalista b’dispjaċir jinnutaw li l-oġġezzjoni tal-Kunsill Lokali San Pawl il-Baħar ġiet mibgħuta lill-Awtorita’ tal-Ippjanar wara d-data tal-għeluq sa meta setgħu jiġu milqugħa l-oġġezzjonijiet. B’hekk l-interess tal-pubbliku inġenerali, ir-residenti tal-lokalita’ u l-ambjent tal-madwar ma ġewx imħarsa.

Meta l-Kunsill Lokali San Pawl il-Baħar kien immexxi mill-Partit Nazzjonalista, l-Kunsill Lokali kien ressaq appell kontra d-deċiżjoni tal-Awtorita’ tal-Ippjanar biex jinħareġ il-permess għal bini ta’ pompa tal-petrol f’żona agrikola. Sfortunatament din id-deċiżjoni ġiet revokata, u l-appell irtirat, meta l-Partit Nazzjonalista tilef il-maġġoranza f’San Pawl il-Baħar u dan permezz tal-vot tal-Kunsillieri Laburisti, liema deċiżjoni l-kunsillieri tal-Partit Nazzjonalista kienu kontra.

Hija ħasra li għalkemm il-Kunsill Lokali ddeċieda li ssir din l-oggezzjoni, din ma ddaħlitx fil-ħin u allura l-Kunsill Lokali issa m’għandux leħen f’din l-applikazzjoni. Il-kunsillieri tal-Partit Nazzjonalista se jkomplu jaħdmu biex imexxu ‘l quddiem l-interess tar-residenti u tal-lokalita’ ta’ San Pawl il-Baħar.