Lokali

Tibda l-votazzjoni bikrija

L-ewwel jum tal-votazzjoni: 6pm - 9pm

It-tesserati tal-Partit Nazzjonalista bdew jivvutaw fl-elezzjoni għal Kap tal-PN, proċess li ser jintemm fit-3 t’Ottubru. 21,499 tesserat tal-Partit Nazzjonalista huma eliġibbli li jivvutaw f’din l-elezzjoni li għaliha l-kandidati huma Adrian Delia u Bernard Grech.

Dan l-ewwel jum tal-votazzjoni fetaħ fis-6pm u għandu għaddej sad-9pm.

Il-votazzjoni bikrija tkompli s-Sibt 26 ta’ Settembru bejn id-9am u 6pm, kif ukoll il-Ħamis 1 t’Ottubru u l-Ġimgħa 2 t’Ottubru bejn is-6pm u d-9pm. Dan apparti li l-Erbgħa 30 ta’ Settembru se ssir votazzjoni għal persuni bi bżonnijiet speċjali.

Is-Sibt 3 t’Ottubru, huwa l-jum propju tal-elezzjoni fejn it-tesserati jkunu jistgħu jivvutaw sal-4pm f’Malta u sas-2pm f’Għawdex.

Kull tesserat eliġibbli li jivvota għandu indikat wieħed minn 18-il post tal-votazzjoni madwar Malta u Għawdex:

  • L-uffiċċju tal-AZAD fil-Belt Valletta
  • Id-Dar Ċentrali f’Tal-Pietà

Fil-Każini tal-Partit Nazzjonalista:

  • Isla
  • Żejtun
  • Ħal Tarxien
  • Żurrieq
  • Siggiewi
  • Ħal Luqa
  • Rabat
  • Ħal Balzan
  • Birkirkara
  • Imsida
  • Swieqi
  • Ta’ Xbiex
  • Tas-Sliema
  • Naxxar
  • Mellieħa
  • Ta’ Sannat f’Għawdex

Id-dettalji kollha ġew spjegati f’ittra li dawk eliġibbli irċievew f’dawn il-jiem, li minnha nfisha sservi wkoll bħala Dokument tal-Vot li wieħed irid jieħu miegħu – flimkien ma’ Dokument ta’ Identifikazzjoni – biex ikun jista’ jivvota.

Intant, waqt intervista fuq Net FM, is-Segretarju Generali tal-PN Francis Zammit Dimech qal illi min għal xi raġuni ma waslitlux l-ittra tal-votazzjoni iżda xorta huwa intitolat għall-vot fl-elezzjoni tal-Kap tal-Partit, xorta jista’ jivvota billi jmur fil-post tal-votazzjoni tiegħu u jieħu miegħu l-karta tal-identita’.

Fil-ġranet kollha tal-votazzjoni u anke fil-ġurnata tar-riżultat ta’ din l-elezzjoni, il-Kummissjoni Elettorali tal-PN se tkun qed tieħu l-prekazzjonijiet kollha marbuta mal-COVID-19, kif l-istess ġara tul il-kampanja taż-żewġ kandidati.

Ritratti: Matthew Tabone