Lokali Qorti

Vittma ta’ allegat abbuż domestiku se titħalla ssiefer

L-allegata vittma ta’ abbuż domestiku u li nhar il-Ħamis ġiet ipprojbita mill-Qorti biex issiefer issa se tkun tista’ tagħmel dan wara li l-każ instema’ b’urġenza quddiem l-Imħallef Anna Felice.

Hija kienet imwaqqfa milli tagħmel dan wara mandant li sar mill-eks sieħeb tagħha u li kien intlaqa’ proviżorjament, kien qal li l-mara trid issiefer biex tagħmel abort. Isem il-koppja mhux qed jisemmew biex tiġi protetta l-identità u l-privatezza tagħhom.

Il-Fondazzjoni għad-Drittijiet tan-Nisa mill-ewwel ħabbret li qed tiġġieled battalja legali fejn fiha mara tqila qed tiġi miċħuda d-dritt tagħha għal-libertà tal-moviment ħieles u privatezza wara li tpoġġa mandat fuqha.

It-tim legali tal-Fondazzjoni għad-Drittijiet tan-Nisa (WRF) li kienu fl-awla tal-Qorti kellhom jiddefendu lill-klijenta tagħhom, vittma ta’ abbuż domestiku li hija tqila.

Għaldaqstant it-talba tagħhom ġiet milqugħa wara li ġiet revokata l-ordni li ngħatat. Il-mara dejjem ċaħdet li se tikkommetti abort. “L-abort huwa reat f’Malta u għalhekk ir-raġel għandu jippreżenta r-rapport tiegħu lill-Pulizija jekk u meta jkun hemm xi suspett, iżda ma hemm l-ebda prova dwar dan,” qalet il-Qorti.

L-ordni proviżorja kienet ilha fis-seħħ għal ġimgħa u dan kien ifisser li d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-mara kienu qegħdin jinkisru u issa tista’ ssiefer.