Coronavirus Lokali Saħħa

COVID-19: 29 każ ġdid; jiżdiedu l-isporadiċi

15-il fatalità fl-aħħar disat'ijiem

Fl-aħħar 24 siegħa, 29 persuna ttestjaw pożittivi għall-Coronavirus. Il-każijiet attivi issa jammontaw għal 629

In-numru totali ta’ każijiet f’Malta issa hu 3,167. It-total ta’ każijiet li fiequ huwa 2,304.

Skont il-paġna ta’ Facebook ta’ Saħħa, mill-31 każ imħabbra tul il-jum tal-Ġimgħa, 6 każijiet li huma qraba ta’ persuni li ttestja pożittivi preċedentament, żewġ każi li kellhom kuntatt dirett ma’ persuni nfettati, każ minn attività soċjali, ieħor impurtat filwaqt li 3 każijiet oħra kienu mir-residenza tal-anzjani ta’ Casa San Paolo.

Min-naħa tagħha, fi stqarrija fuq Facebook, CareMalta ddikjarat li Casa San Paolo hi ħielsa minn kwalunkwe każ ta’ Covid-19.

Il-kumpanija li tmexxi din ir-residenza tal-anzjani qalet li kwalunkwe informazzjoni maħruġa mill-Ministeru tas-Saħħa fir-rigward tad-Dar hi skorretta.

Nifhmu li t-18 każi l-oħra kienu kollha sporadiċi, jiġifieri aktar minn nofs il-każi mħabbra ilbieraħ m’għandhomx idea mnejn iċċumbaw il-virus.

Intant tul dan ix-xahar ta’ Settembru tilfu ħajjithom 19-il persuna mit-total ta’ 31 fatalità kawża tal-Covid – bi 15-il vittma reġistrati fl-aħħar disat’ijiem.

L-aħħar vittma kienet mara ta’ 92 sena li kienet residenta f’Dar tal-Anzjani.

Dan filwaqt li dawn il-fatalitajiet ġabu lil pajjiżna t-tielet l-agħar fl-Ewropa b’rata ta’ 2.2 meta tikkalkula fuq popolazzjoni ta’ 100,000 persuna – deskritta mis-Suprintendent tas-Saħħa Pubblika bħala waħda għolja ħafna.

Malta preżentament irreġistrat aktar imwiet minn fost oħrajn Ċipru, New Zealand jew Singapore – b’aktar każi rreġistrati fost oħrajn mill-istess New Zealand u Urugwaj.