Lokali

Frank Fabri jikkonferma li għad fadal xi jsir

Il-Gvern għadu għaddej bil-kampanja tiegħu biex jagħti x’jifherm li għandu kollox ippjanat għall-bidu ta’ sena skolastika ġdida, fid-dawl tal-isfidi li ġabet magħha l-pandemija… xi ħaġa li kulħadd issa ilu li irrealizza li mhux il-każ.

Fil-fatt, ftit jiem qabel ma suppost kellhom jiftħu l-bibien tal-iskejjel, is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Edukazzjoni Frank Fabri ha f’idejh l-aqwa hin fuq ix-Xandir tal-Istat biex jispjega li x-xogħol li qed isir. Iżda anke hawn, jidher biċ-ċar kemm il-Gvern waqa’ lura u li, fil-verità, qatt ma kellu l-ebda pjan fuq dan is-settur sensittiv, li jaffettwa saħħet uliedna u l-edukaturi tagħhom.

Fl-intervista twila ħames minuti waqt il-bulettin tal-aħbarijiet fuq ix-Xandir tal-Istat, Frank Fabri kkonferma li l-Ministeru għadu lura fil-proċess għall-ftuħ tal-iskejjel, tant li għadd ta’ skejjel għadu qed isirilhom il-proċess ta’ risk assessment. Dan fl-istess waqt li għadd ta’ lezzjonijiet għadhom qed jiġu rrekordjati biex ikunu jistgħu jitpoġġew online.

Bl-ispjegazzjoni tiegħu stess, Frank Fabri ikkonferma li l-istudenti se jkunu esposti għax-xita u l-maltemp, ladarba ġie deċiż li l-vannijiet tat-trasport u l-klassijiet se jinżammu bit-twieqi miftuħa, sajf u xitwa.

U dwar it-trasport tal-istudenti, is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Edukazzjoni qal li se jkunu qed jiżdiedu r-rotot minħabba li l-ammont ta’ studenti f’kull vjaġġ se jitnaqqas drastikament.

Madankollu, hu ma tax dettalji jekk dan l-iżvilupp ifissirx li uħud minn uliedna se jkunu qed jitwasslu l-iskejjel ħafna aktar kmieni mill-bidu tal-lezzjonijiet.