Lokali

Għawdex isellem il-memorja ta’ Victor Borg

Dalgħodu tħabbret il-mewt ta’ Victor Borg, wieħed mill-esponenti ewlenin tas-settur turistiku f’Għawdex.

Victor kien meqjus bħala persuna ta’ qalb kbira fejn ħafna kienu jħobbu jiddiskutu miegħu diversi materji filwaqt li joħloq diskursata tant interessanti u impenjattiva bl-aktar mod pożittiv.

Dan ħareġ fi stqarrija mill-Viċi Kap tal-PN għall-Affarijiet tal-Partit u Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Isfidi fit-Turiżmu f’Dinja Ġdida, Robert Arrigo u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għal Għawdex u r-Riformi Kostituzzjonali, Chris Said.

Victor kien il-persuna li introduċa l-idea ta’ tmiem il-ġimgħa speċjali ġewwa Għawdex għall-Maltin, liema idea intlaqtet tant tajba li sa llum il-ġurnata mijiet ta’ Maltin jitilgħu kull ġimgħa.

Dan filwaqt li matul ħajtu Victor kellu lukandi, farmhouses u appartamenti flimkien ma’ aġenzija tal-kiri tal-karozzi u agenzija tal-ivjaġġar ibbażata f’Londra.

Il-Partit Nazzjonalista wassal il-kondoljanzi lill-familja Borg.