Lokali

Issir velja għall-anzjani li mietu bil-COVID-19 f’Malta

"Din hija emerġenza. Ejjew inrażżnu l-imwiet u nagħtu lura lill-anzjani tagħna id-dinjita' li jistħoqilhom."

Għall-ħabta tas-6pm saret velja minn numru ta’ persuni ħdejn l-Isptar Mater Dei bħala sinjal ta’ appoġġ u kuraġġ lejn l-anzjani li tilfu ħajjithom kaġun tal-COVID-19, b’rispett lejn qrabathom u t-tim mediku.

Dan seħħ wara li fl-aħħar ġimgħat rajna żieda sostanzjali ta’ każijiet posittivi kif ukoll imwiet fost dawk l-iżjed vulnerabbli. B’hekk, madwar Mater Dei nxtegħlu xemgħat u fjakkoli ħdejn is-sezzjoni tal-Emerġenza u l-Kmamar Mortwarji.

Intqal li huwa diffiċli u ta’ qsim il-qalb tara l-anzjani iħallu din id-dinja mingħajr komunikazzjoni xierqa mal-familjari jew ħbieb tagħhom. Din l-okkażjoni saret bl-għan li tixhet dawl fuq l-importanza li kull individwu, f’kwalunkwe pożizzjoni li jokkupa fis-soċjetà, għandu jkun responsabbli u juri rispett lejn kull ħajja, partikolarment lejn il vulnerabbli.

Dawk preżenti fakkru li ħafna familji flimkien mal-anzjani tagħhom qed ibatu fis-silenzju, u li dawn l-imwiet huma prematuri.