Lokali

Elezzjoni ta’ Kap; fl-ewwel 5 sigħat jivvotaw kwart tat-tesserati

Daħal fit-tieni jum tiegħu l-early voting fl-elezzjoni għal Kap tal-Partit Nazzjonalista. Dan hekk kif ilbieraħ kien hemm konkorrenza qawwija mit-tesserati fl-ewwel ġurnata tal-votazzjoni bikrija.

Dalgħodu l-postijiet tal-votazzjoni fetħu fid-9am – il-votazzjoni tal-lum tagħlaq fis-6pm.

Kull tesserat eliġibbli li jivvota għandu indikat wieħed minn 18-il post tal-votazzjoni madwar Malta u Għawdex; dawn huma… l-uffiċċju tal-AZAD fil-Belt Valletta u d-Dar Ċentrali f’Tal-Pietà, kif ukoll fil-Każini tal-Partit Nazzjonalista; fl-Isla, ż-Żejtun, Ħal Tarxien, Żurrieq, Siggiewi, Ħal Luqa, ir-Rabat, Ħal Balzan, Birkirkara, l-Imsida, Swieqi, Ta’ Xbiex, Tas-Sliema, Naxxar, Mellieħa u f’Ta’ Sannat f’Għawdex.

Id-dettalji kollha ġew spjegati f’ittra li dawk eliġibbli irċievew f’dawn il-jiem, li minnha nfisha sservi wkoll bħala Dokument tal-Vot – ghalkemm min ma waslitlux din l-ittra jista jivvota bil-Karta tal-Identità.

Il-ġimgħa d-dieħla huwa l-jum proprju tal-elezzjoni fejn it-tesserati jkunu jistgħu jivvutaw sal-4pm f’Malta u sas-2pm f’Għawdex.