Coronavirus Internazzjonali

“Jista’ jkolna 2 miljuni f’imwiet sakemm ikolna vaċċin” – WHO

"Is-suppliment tal-vitamina D tnaqqas l-impatt u r-rata ta' infezzjoni."

Fl-aħħar 24 siegħa d-dinja kompliet tesperjenza żidiet fil-każi ta’ Coronavirus – 16,000 każ ġdid fi Franza, 12,000 fi Spanja u 6,800 fir-Renju Unit.

Hi din is-sitwazzjoni fil-kontinent Ewropew, fejn jum wara l-iehor qed naraw in-numri tal-Covid-19 telgħin ‘il fuq… bl-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa twissi li jekk il-pajjiżi ma jieħdux azzjoni issa, il-vittmi jafu jitilgħu għal żewġ miljuni qabel jinstab vaċċin.

Skont il-Virologi tad-WHO, ix-xhur tax-Xitwa se jkunu daqqa oħra fejn jidhlu numri ta’ persuni morda bil-virus.

Sadanittant, minn studju li sar fl-Istati Uniti rriżulta li l-vitamina D qed tnaqqas l-impatt tal-Covid-19, filwaqt li studju ieħor sab li saħansitra tnaqqas ir-rata ta’ infezzjoni. B’hekk, għadd ta’ esperti qed iħeġġu lin-nies biex jieħdu s-suppliment tal-vitamina.

L-istudju sar permezz ta’ testijiet fuq id-demm tal-pazjenti li daħlu fi sptar minħabba kumplikazzjonijiet li ħoloq il-Coronavirus, fejn urew li dawk li għandhom livell tajjeb tal-vitamina D ma kellhomx effetti severi fuq saħħithom.

Fil-fatt, mill-istudju ħareġ li l-pazjenti li għandhom aktar minn 40 sena u kellhom livell tajjeb tal-vitamina kellhom 51% anqas riskju li jmutu minn pazjenti li kellhom nuqqas tal-vitamina. Dan filwaqt li saħansitra jnaqqas r-riskju li tkun infettat b’54%.

Dwar l-Ewropa, id-WHO qalet li hemm ħafna xogħol xi jsir biex jitnaqqsu l-każi ġodda tal-Covid-19, hekk kif hemm ċans kbir li l-imwiet tal-anzjani jiżdied drastikament. Madankollu, kull pajjiż qed jikkunsidra lockdown bħala l-aħħar miżura li jieħu.

U teknoloġija ġdida li saret minn Tabib Ġappaniż qed tgħin lil pazjenti li qed ibatu minn problemi respiratorji kawża tal-virus. Dan hekk kif 3D printer jista’ joħloq ventilator li m’hemmx bżonn kuntatt uman biex jitħaddem ħalli jonqos it-tixrid tal-infezzjonijiet.