Fis-6 tas-Sibt filgħaxija ngħalqet it-tieni sessjoni ta’ votazzjoni bikrija fl-elezzjoni għal Kap tal-Partit Nazzjonalista, li segwiet bir-rikonċiljazzjoni tal-voti u l-issiġillar tal-kaxxi.
Il-konkorrenza f’dan iż-żewġ sessjonijiet kienet waħda qawwija hekk kif s’issa kienu 48 fil-mija tat-Tesserati eliġibbli li diġà vvotaw fl-elezzjoni għal Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Fil-fatt, fil-jum tal-Ġimgħa vvutaw 16 fil-mija f’sessjoni ta’ tliet sigħat biss, filwaqt li matul il-jum tas-Sibt ivvotaw 32 fil-mija f’sessjoni ta’ disa’ sigħat. It-total tat-Tesserati eliġibbli hu 21,499.
Is-Sibt, il-votazzjoni fetħet fid-9 ta’ filgħodu. Dawk li għadhom ma vvutawx issa jistgħu jagħmlu dan fi 18-il post ta’ votazzjoni; fl-uffiċċju tal-AZAD fil-Belt Valletta u d-Dar Ċentrali f’Tal-Pietà, kif uoll fil-Każini tal-Partit Nazzjonalista fl-Isla, iż-Żejtun, Ħal Tarxien, iż-Żurrieq, is-Siġġiewi, Ħal Luqa, ir-Rabat, Ħal Balzan, Birkirkara, l-Imsida, is-Swieqi, Ta’ Xbiex, Tas-Sliema, in-Naxxar, il-Mellieħa u Ta’ Sannat f’Għawdex … skont kif indikat fuq id-Dokument tal-Vot.
Fil-fatt, id-dettalji kollha ġew spjegati f’ittra li dawk eliġibbli irċievew f’dawn il-jiem, li minnha nfisha sservi wkoll bħala d-Dokument tal-Vot. Madankollu, dawk li għal xi raġuni baqgħu ma rċevewhiex jistgħu jivvotaw bil-Karta tal-Identità jew b’xi dokument uffiċjali ieħor.
Kien għall-ħabta tal-10.15am li l-President tal-Kunsill Ġenerali, il-Perit Ċensu Galea, xeħet il-vot tiegħu fil-Każin tal-Partit Nazzjonalista fil-Mellieħa, post tal-votazzjoni li kellha andament mexxej ħafna.
Aktar tard, iċ-Chairman tal-Kumissjoni Elettorali, l-Avukat Peter Fenech, ivvota fil-Każin tal-Partit Nazzjonalista f’Ħal Balzan … post ieħor tal-votazzjoni li kellu andament mexxej u li segwa l-protokolli kollha b’rabta mal-Covid-19, fosthom it-teħid tat-temperatura, l-iġjene tal-idejn u l-indafa fil-post, bħalma sar f’kull post tal-votazzjoni.
Is-sessjonijiet ta’ votazzjoni bikrija li jmiss huma l-Ħamis u l-Ġimgħa li ġejjin, bejn is-6 u d-9 ta’ filgħaxija. L-Erbgħa – bejn is-2 ta’ waranofsinhar u t-8 ta’ filgħaxija fid-Dar Ċentrali biss – se tinżamm sessjoni speċjali għal dawk li għandhom problemi ta’ mobbiltà jew jeħtieġu l-assistenza biex jivvotaw.
Umbagħad is-Sibt, f’jum il-votazzjoni, il-postijiet tal-votazzjoni jiftħu mit-8 ta’ filgħodu sal-4 ta’ waranofsinhar f’Malta u mit-8 ta’ filgħodu sas-2 ta’ waranofsinhar f’Għawdex.
//= $special ?>