Lokali

“L-ewwel għandhom jirbħu l-Partit Nazzjonalista u Malta” – Bernard Grech

Hu l-interess tiegħi u ta’ kull wieħed u waħda minna li naraw li minn din l-elezzjoni jirbħu l-ewwel u qabel kollox il-Partit Nazzjonalista u Malta.

Kliem il-Kandidat għall-elezzjoni ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech, waqt l-intervista mill-Editor-in-Chief ta’ The Malta Independent Neil Camilleri fuq NET FM.

Hu tenna li wara li jgħaddi dan il-proċess, għandna naraw li nimxu ‘l quddiem biex il-Partit Nazzjonalista jerġa’ jsir Oppożizzjoni kostruttiva u Gvern alternattiv.

Bernard Grech qal li jekk ikun elett Kap tal-Partit Nazzjonalista jara li l-Partit jiddiskuti internament suġġetti sensittivi fid-dawl tal-ħtieġa ta’ Liġi favur il-Vulnerabbli.

Min-naħa l-oħra, għandna Gvern li qed ikompli jħalli lill-Għawdxin inkwetati bil-mod kif qed jitratta l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex. Dwar dan, qal li jekk ikun elett Kap tal-Partit Nazzjonalista se jkompli l-ħidma biex it-tliet sptarijiet pubbliċi jingħataw lura lill-poplu.

Dwar l-isfidi li qed jiffaċċja pajjiżna kawża tal-Coronavirus, Bernard Grech ikkritika l-aġir tal-Prim Ministru Robert Abela li baqa’ jgħid li għalih business as usual għalkemm il-mewġa għadha magħna sal-lum.

Bl-istess mod, il-Gvern ta’ Abela qed juri li m’għandu l-ebda strateġija – anzi, għandu kaos sħiħ – fis-settur edukattiv. Hi ħasra, tenna Bernard Grech, għax li kieku Robert Abela kien onest man-nies, il-poplu kien iħossu aktar komdu jikkopera mal-awtoritajiet.

Dwar l-investigazzjonijiet li għandhom isiru fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni li ħakmet lil dan il-Gvern, hu qal li l-politiku m’għandux jindaħal fil-ħidma tal-Pulizija. Minflok, il-politiku għandu jara kif se jmexxi l-pajjiż u mhux iwaqqaf milli ssir ġustizzja.

Dwar l-immigrazzjoni, Bernard Grech qal li bħala pajjiż, għandna l-obbligu li nsalvaw il-ħajjiet. Madankollu, bħala pajjiż, għandu bżonn ikollna strateġija influwenti fil-fora Ewropej.

U dwar il-proċess ta’ due diligence parti minn dan il-proċess, hu fakkar kif il-kwistjoni tal-ħlas ta’ taxxi ilha li ġiet solvuta. Madankollu, kwistjoni bħal din bl-ebda mod mhi se twaqqfu milli jieħu passi kontra min jabbuża fil-futur.