Futbol Sport

Mosta jagħtu t-tieni telfa lil Birkirkara

(Ritratt: Joe Borg)

Rowen Camilleri

BIRKIRKARA….0

MOSTA…………….3

Birkirkara: A. Hogg, E. Pepe, M. Guillaumier, P. Mbong, K. Zammit, Y. Yankam, F. Falcone, C. Attard, C. Bonanni, C. Prado, O. Carniello

Mosta: Y. Moto, D. Debono (L. Portelli 63’), C. Ememe, D. Bonnici, C. Failla, G. Sciberras (N. Cardoso 63’), T. Farrugia, M. Muchardi, R. Morisco, B, Kaljevic, K. Tulimieri (M. Attard 80’)

Imwissija: D. Debono 40’ (M), K. Zammit 60’ (B)

Skorjaw: C. Ememe 64’,72’, B. Kaljevic 85’ (M)

Referee: Ishmael Barbara

Assistenti Referees: Paul Apap u Duncan Sultana

Il-Mument Plejer tal-logħba: Christ Evo Ememe (Mosta)

BOV Plejer tal-logħba: Christ Evo Ememe (Mosta)

Wara t-tieni ġurnata tal-Kampjont Premier Birkirkara baqgħu mingħajr punti wara li fl-Istadium taċ-Ċentinarju sfaw megħluba minn Mosta bl-iskor ta’ 3-0 bil-gowls jaslu kollha fit-tieni taqsima wara li l-ewwel 45 minuta kienu neqsin għal kollox minn azzjonijiet u tista tgħid li kienet taqsima medjokra.

Fl-ewwel konfront tal-kampjonat, Birkirkara,mmexxija minn Andre Paus, sofrew telfa ta’ 4-2 kontra Valletta filwaqt li Mosta spiċċaw fi draw ta’ 2-2 kontra Gudja United.

Kellna nistennew sal-21 minuta sakemm kellna l-ewwel azzjoni denja ta’ nota meta Caio Prado avvanza mal-linja, tefa’ kross fil-baxx lejn il-captain Matthew Guillaumier iżda x-xutt ta’ dan tal-aħħar għadda għoli. Minuta wara, minn azzjoni personali kien għal darb’oħra Prado li avvanza u din id-darba prova tentattiv minn barra l-kaxxa li għadda ftit barra. Wara ħin twil mingħajr azzjonijiet miż-żewġ naħat, l-Istripes marru viċin li jiftħu l-iskor meta fil-41 minuta Matthew Guillaumier laqat il-mimduda minn free-kick dirett bil-gowlkiper mill-Gabon Yves Bitseki deher megħlub għal kollox.

Ħames minuti mill-bidu tat-tieni taqsima il-midfielder Taljan ta’ Birkirkara Bonanni prova konklużjoni minn barra l-kaxxa li għaddiet għoli. Fit-62 minuta wara ħarġa difettuża ta’ Bitseki il-ballun spiċċa f’saqajn Guillaumier li prova jqabbeż minn fuq id-difiża iżda tefa’ barra.

Żewġ minuti wara Mosta marru fil-vantaġġ. Kien pass fit-tul mid-difiża ta’ Mosta li wasal għand CHRIST EVO EMEME li avvanza u b’xutt fil-baxx għeleb lil Hogg. Fit-72 minuta Mosta rduppjaw meta kien l-istess awtur tal-ewwel gowl CHRIST EVO EMEME li approfitta minn żball ta’ Andrew Hogg u bil-kalma kollha tefa’ fix-xibka.

Fil-85 minuta it-tim Mosti issiġilla r-rebħa meta minn azzjoni personali BOJAN KALJEVIC ħarab mix-xellug u wara li daħal fil-kaxxa b’xutt fil-baxx tefa’ wara Hogg għal 3-0.