Futbol Sport

Mqabba jdawwru telfa f’rebħa

(Ritratt: Stephen Gatt)

Chris Cassar

ŻEBBUĠ R. ………………. 1

MQABBA ………………….2

Żebbuġ R: M. Grech, S. Bugeja, J. Micallef, T. Bartolo, A. Mizzi, L. Mijic, J. Silveira Da Silva(M. Del Negro 74’), C. Gauci, C. Vella, S. Miloskovic, G. Gesualdi.

Mqabba: J. Grech, L. Farrugia (R. Cauchi 60’), G. Mannino, D. Micallef, J. Castano, Y. Tonna (O. Khatib 88’), N. Falzon, K. Cutajar, R. Cutajar (K. Borg 60’), R. Spiteri, G. Cesani (G. Bugeja 41’)

Referee: Ezekiel Barbara

Mqabba bdew l-istaġun b’rebħa meta b’rimonta tajba fl-aħħar nofs siegħa dawwru r-riżultat, meta sa l-ewwel siegħa Żebbuġ kienu meritatament fil-vantaġġ.

L-ewwel taqsima ftit offriet spunti denji bl-uniċi azzjonijiet jiġu kollha minn naħa ta’ Żebbuġ li attakkaw għal ħinijiet twal. Fil-35 minuta xutt ta’ Chris Vella stampa mal-mimduda u fil-41 minuta azzjoni tajba ta’ Silveira Da Silva u xutt fil-baxx li għadda ftit barra.

Erba’ minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima Żebbuġ fetħu l-iskor meta Luka Mijic għeleb in-nasba tal-offside u waħdu quddiem Grech ma żbaljax b’xutt fil-baxx. Fit-58  minuta ċans tad-deheb għal Mqabba b’Castano jitfa’ barra minn qagħda ideali.

Mqabba komplew jinsistu u wara li xutt ta’ Falzon kien maqlugħ minn fuq il-linja, kisbu l-gowl tad-draw fis-67 minuta b’daqqa ta’ ras ta’ Mannino.

Mqabba komplew jinsistu u fid-90 minuta kien Castano li skorja l-gowl rebbieħ wara azzjoni konfuża fil-kaxxa. Wara dan il-gowl Żebbuġ kellhom lil Clive Gauci mkeċċi.