Sport Waterpolo

Privitera determinanti biex Marsaskala se jilagħbu l-finali

Stewart Said

MARSASKALA FISH AND FISH….. 7

MARSAXLOKK BROWNS’………….. 5

(5-0), (0-1), (0-4), (2-0)

Marsaskala Fish and Fish baqgħu b’ċans li jirrepetu s-suċċess miksub l-istaġun li għadda. Għat-tieni darba fi tlett ijiem għelbu lil Marsaxlokk biex se jikkontestaw il-finali fuq l-aqwa minn tliet logħbiet kontra Valletta.

Il-konfront kien differenti minn dak tal-Ħamis li għadda. Iż-żewġ partiti kienu diżappuntanti għal Marsaxlokk li naqsu li juru l-aħjar kwalitajiet tagħhom. Fit-tieni logħba ppermettew lill-avversarji jiksbu vantaġġ kbir u kellhom jiġru wara r-riżultat.

Marsaskala kellhom bidu mill-aqwa hekk kif kisbu vantaġġ ta’ ħames gowls bi tripletta ta’ Jean Claude Cutajar, Liam Grixti u penalty ta’ Paul Privitera. Marsaxlokk stenbħu u wara li naqqsu d-distakk minn penalty ta’ Timmy Agius, irnexxielhom ikunu aktar kompatti fid-difiża.

Il-kowċ Joe Cremona irċieva r-reazzjoni li xtaq mill-plejers tiegħu fit-tielet sessjoni. Marsaxlokk daħlu fil-logħba b’gowls ta’ Stephen Micallef u Agius u wara li ż-żewġ timijiet fallew żewġ man-ups kull wieħed, ix-Xlukkajri ġabu d-draw fl-aħħar żewġ minuti tas-sessjoni permezz ta’ Agius u Matteo Cacici.

B’kollox kellu jkun deċiż fl-aħħar sessjoni. Kien hemm fejn spikkat l-esperjenza ta’ Paul Privitera li f’nofs l-aħħar sessjoni poġġa lit-tim ta’ Babay minn fuq bi ġmiel ta’ backhand, biex għalaq il-logħba żewġ minuti mit-tmiem b’gowl mis-centre.

Marsaskala: J. Micallef, J.C. Cutajar (3), A. Camenzuli, P. Privitera (3), M. Aquilina, L. Grixti (1), K. Navarro, M. Manara, L. Felice, G. Galea, R. Attard, M. Chircop, A. Muscat

Marsaxlokk: R. Coleiro, J. Rizzo Naudi, M. Pace, L. Saliba, T. Agius (3), B. Lanzon, J. Galea, K. Cremona, S. Micallef (1), R. Scerri, M. Cacici (1), O. Zammit, F. Buhagiar

Referees: Mario Dalli, Ronnie Spiteri