Lokali

Robert Abela jibqa’ jiddefendi l-konsulent tiegħu, Joseph Muscat

Il-Prim Ministru jgħid li Muscat diġà ħallas prezz politiku kbir meta rriżenja

Joseph Muscat ħallas l-ikbar prezz li seta’ jħallas meta f’Diċembru li għadda għażel li ma jibqax Prim Ministru ta’ dan il-pajjiż. (…) Huwa Membru Parlamentari li ngħata l-fiduċja mill-poplu tagħna u meta kien hemm żminijiet li kellhom jittieħdu d-deċiżjonijiet, dejjem ħadthom.”

Kien dan il-mod li bih il-Prim Ministru Robert Abela ddefenda lill-Konsulent tiegħu, Joseph Muscat, fid-dawl li ċ-Chief of Staff tal-eks Prim Ministru, Keith Schembri – li Muscat ħalef bih sal-aħħar f’Kastilja – jinsab fuq Police Bail wara li kien interrogat b’arrest fid-Depot tal-Pulizija b’rabta ma’ akkużi serjissimi ta’ ħasil ta’ flus u korruzzjoni mill-bejgħ tal-Passaporti.

Dan il-kejl li qiegħed juża Robert Abela mal-predeċessur tiegħu ifakkarna għal kif l-eks Prim Ministru, Joseph Muscat, mexa b’mod identiku mal-eks Ministru Laburista, Konrad Mizzi, meta kien irriżenja minn Deputat Mexxej tal-Partit Laburista u nehhilu d-dekasteru tiegħu iżda żammu deputat parlamentari u Ministru fl-Uffiċju tiegħu. .

Huwa kien qiegħed jirreaġixxi għall-mistoqsijiet ta’ NET News fi tmiem grupp parlamentari u attività soċjali mhux solita s-Sibt filgħodu f’Villa Francia f’Ħal Lija, li għaliha lanqas Joseph Muscat lanqas indenja jattendi.

Abela ssuġġerixxa lil dawk li qed isejjħu għat-tneħħija ta’ Muscat mill-grupp parlamentari biex ikunu aktar pożittivi:

Jiena nipproponilkom suġġeriment. Ejja naħarbu min-negattiviżmu u niffukaw fuq il-pożittività.”

Il-grupp parlamentari Laburista ssejjaħ f’ġurnata mhux tas-soltu f’waħda mir-residenzi uffiċjali tal-Prim Ministru fid-dawl li bħalissa hemm pressjoni dejjem tiżdied dwar jekk il-pożizzjoni ta’ Joseph Muscat fil-grupp parlamentari tal-Gvern Laburista għadhiex tenibbli kif ukoll fid-dawl taż-żieda fil-morsa ekonomika fil-pajjiż kawza tal-COVID-19, jiem ‘il-bogħod mill-baġit.

Mhux ċar jekk il-futur politiku ta’ Muscat kienx diskuss matul din il-laqgħa msejħa in extrmis, li l-Prim Ministru ġġustifikaha bħala waħda skedata.

Użajt il-kelma in extremis. Ma naqbel miegħek xejn. (…) Aħna grupp parlamentari magħqud. Nieħdu pjaċir niltaqgħu flimkien.”

Dan deher fiċ-ċar tant li wara l-Grupp Parlamentari, li għaliha attendew għaliha d-Deputat Mexxej Laburista għall-affarijiet tal-Partit Laburista, Daniel Micallef, u l-President tal-Partit, Ramona Attard ukoll, sar festin familjari f’Villa Francia fl-eqqel tat-tieni mewġa tal-COVID-19 f’pajjiżna.