Lokali

“Żbilanċ fl-aħbarijiet tal-Istat”

Hemm mumenti fejn l-iżbilanċ fuq l-aħbarijiet tal-istat huwa sottili, hemm mumenti oħra fejn huwa tal-mistħija. L-aħbarijiet fuq il-PBS jidher li huwa titubanti biex jirrapporta stejjer li potenzjalment jagħmlu ħsara lill-Gvern Laburista.

Kien dan id-diskors li ntqal fl-Editorjal ippubblikat is-Sibt fil-ġurnal Times of Malta fejn ingħad li kritika maġġuri li kellha t-tmexxija tal-Gvern Laburista fl-aħħar 7 snin huwa proprju l-kontroll assolut … fost l-oħrajn…. fix-xandir tal-istat, bil-għan li jikkontrolla il-messaġġ li jasal għand in-nies.

L-editur insista li l-propoganda kostanti favur il-Gvern preżentament hija fl-aqwa tagħha, ankè f’dawn iż-żminijiet orribli li qed ngħixu fihom. Eżempju li ġab kien li f’jum partikolari il-midja soċjali kienet invażata bl-għajdut ta’ numri rekord ta’ każi ġodda, madanakollu l-aħbarijiet ta’ TVM iddeċidew li jibdew bil-headline ta’ numri rekord ta’ swab tests. L-editur f’dan il-każ iddeskriva dan l-aġir bħala wieħed intenzjonat li jgħejja lit-telespettaturi bin-numri sabiex fl-aħħar iħabbru r-riżultati ta’ każi ġodda.

Fl-editorjal kompla jintqal li każ ieħor li l-kamra tal-aħbarijiet tal-PBS iddeċidiet li tinjora għal kollox mill-headlines kien l-ordni tal-iffriżar tal-assi ta’ Keith Schembri, Brian Tonna u Karl Cini – bl-istorja tintilef f’nofs il-bulettin.

Intqal ukoll li mhux sigriet li l-Kap tal-Kamra tal-Aħbarijiet il-ġdida, Norma Saliba għandha konnessjonijiet ċari mal-Partit Laburista, u wisq inqas mhux sigriet li l-edituri tal-PBS kienu suġġetti għal interferenza politika fl-aħħar snin, bil-konsegwenza…dejjem skont it-Times… li l-aġir tagħhom ġie deskritt bħala wieħed li telfilhom id-dinjità professjonali tagħhom.

L-editur jistaqsi jekk il-Bord il-ġdid maħtur ftit tal-ġimgħat ilu hux ser ikun qed jibqa’ jsostni l-lealtà assoluta lejn il-Gvern Laburista filwaqt li jroxx il-propoganda tiegħu lit-telespettaturi.