Lokali

Żewġ passiġġieri fuq ajruplan jirrifjutaw li jilbsu maskra

Żewġ passiġġieri Ingliżi li kienu fuq ajruplan tar-Ryanair ġejjin mill-ajruport ta’ Stansted lejn Malta rrifjutaw li jilbsu maskra tul il-vjaġġ tant li hekk kif niżlu fl-ajruport ta’ Malta ġew eskortati mill-pulizija.

Fuq l-ajruport, membri tal-ekwipaġġ għamlu diversi talbiet biex kull passiġġier jilbes maskra iżda wara diversi attentati, il-kaptan talab l-assistenza tal-Pulizija hekk kif jinżlu fl-ajruport.

Kif waslu fl-ajruport għall-ħabta tad-9.10pm, l-ebda passiġġier ma tħalla jinżel minn fuq l-ajruplan qabel numru ta’ Pulizija flimkien ma’ uffiċjali tas-sigurtà tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta telgħu fuq l-ajruplan u eskortaw liż-żewġ passiġġiera.

Iż-żewġ passiġġieri kapaċi jeħlu multa talli kisru l-liġi Maltija relatata mal-COVID-19.

Kull passiġġier huwa obbligat li jilbes il-maskra tul il-vjaġġ kollu biex jitnaqqas ir-riskju tat-trażmissjoni tal-virus.