“Il-Papa fil-messaġġ tiegħu għal din is-sena jfakkar li Ġesù tarbija kellu wkoll jaħrab minn pajjiżu u jmur refuġjat fl-Eġittu… bħal Ġesù mġiegħla jaħarbu”
Dan kien wieħed mill-messaġġi f’Jum il-Migranti u r-Refuġjati ġie ċċelebrat il-Ħadd permezz ta’ quddiesa fil-Knisja Parokkjali ta’ Ħal Balzan mill-Arċisqof Charles J. Scicluna, flimkien ma’ għadd ta’ saċerdoti li jaħdmu mar-refuġjati u l-immigranti f’pajjiżna.
Fl-Omelija tiegħu, Arċisqof saħaq li l-iżvilupp ekonomiku li jgawdi minnu pajjiż għandu jirrispetta d-dinjità tal-bniedem u jaħseb għal ġenerazzjonijiet futuri.
Kompla li r-razziżmu u l-istruttura tad-dnub jikkontradixxu x-xbieha tal-Ħallieq. Hu appella lill-Maltin biex wieħed imiss il-kordi sensittivi tal-umanità billi juri mogħdrija ma’ dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà għax b’hekk biss wieħed jistagħna aktar.
“Ħafna drabi meta nitkellmu fuq dawn ħutna qed nużaw kliem iebes tassew…. hemm bżonn naħdmu flimkien biex nibnu”
Huwa silet kliem ukoll dwar l-4 verbi li dwarhom il-Papa Franġisku sentejn ilu kien rabat il-messaġġ tiegħu għal dan il-jum. Dawn il-verbi huma: nilqgħu, nipproteġu, nippromwovu u nintegraw
L-Arċisqof qal li l-ugwaljanza hija fundamentali fost il-bnedmin u trid tkun magħrufa biex l-iżvilupp ma jkunx ristrett għal tkabbir ekonomiku waħdu, iżda li jieħu ħsieb jgħin l-iżvilupp ta’ kull bniedem b’mod sħiħ.
Fil-messaġġ tiegħu huwa faħħar u rringrazzja wkoll lill-komunità ta’ Ħal Balzan, il-post fejn saret din il-quddies, li llum qed tospita mal-100 immigrant. Huwa qal li l-lokalità ta’ Ħal Balzan hija xempju ta’ tjieba u ħniena li bħala nazzjon għandna lkoll nħarsu lejha.
//= $special ?>