Lokali

Diżgustata bid-dikjarazzjoni tal-Prim Ministru

Repubblika hija diżgustata bid-dikjarazzjoni tal-Prim Ministru li Joseph Muscat ħallas ta’ għemilu għax ma baqax Prim Ministru.

Dan il-kliem il-PM Abela qalu lbieraħ meta kien mistoqsi minn Net News fejn baqa’ jiddefendi lil eks Mexxej tiegħu, u llum konsulent tiegħu.

Fi stqarrija Repubblika qalu li r-raġunament tal-Prim Ministru Robert Abela jistona f’soċjetà demokratika.

Intqal li l-ewwelnett meta xi ħadd jonqos, anke jekk ikun Prim Ministru, għandu jiġi investigat u jekk jinstab li jkun naqas għandu jitressaq quddiem il-ġustizzja biex jirrispondi għal egħmilu.  B’hekk biss ikun ħallas ta’ għemilu; mhux billi jispiċċa mill-uffiċċju tiegħu u bħalissa qed jitħallas pakkett finanzjarju li l-Gvern ma jridx jgħid x’fih.

It-tieni, f’soċjetà demokratika, il-poter huwa servizz u mhux privileġġ.  Allura ma nistgħux nifhmu kif Robert Abela jiddikjara li Joseph Muscat ħallas ta’ għemilu għax  spiċċa mill-poter.

L-għaqda Repubblika qalu li jistennew li l-Prim Ministru jrabbi l-kuraġġ, jagħmel dmiru u ma jibqax jiddefendi lill-konsulent tiegħu Joseph Muscat.