Lokali

Ebda avukat ma jrid ikun l-avukat tal-Gvern – PN

Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li l-aħbar li s-Sunday Times illum irrapurtat, li ebda avukat ma applika għall-kariga ta’ Avukat tal-Istat fis-sejħa li ħarġet l-Erbgħa li għadda, tikkonferma li ebda avukat f’Malta ma jrid ikun l-avukat tal-Gvern għax ebda avukat f’Malta ma jemmen li l-Gvern mhux se jindaħallu f’xogħlu.

L-istqarrija ffirmata mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ġustizzja, Jason Azzopardi, tgħid li “ebda avukat f’Malta m’għandu fiduċja fil-Gvern bħala l-klijent tiegħu.”

Il-PN saħaq li lanqas dawk l-avukati li jaħdmu fl-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat, uħud minnhom ta’ esperjenza u integrita’ indiskussa, ma riedu jiċċapsu bit-titlu ta’ Avukat ta-Istat. Fejn sa ftit snin ilu kien ikun hemm kju ta’ avukati li jkunu jridu japplikaw għal kariga tant prestiġġjuża, llum ħadd ma jrid ikollu x’jaqsam magħha. Din l-aħbar turi kemm m’hawnx fiduċja fl-ikbar istituzzjoni u cioe’ fil-Gvern.

Il-Partit Nazzjonalista ma jistax ma jirrimarkax b’dieqa li ilu xhur jiġbed l-attenzjoni tal-Gvern li t-triq li kien qabad, dik tal-abbuż tal-istituzzjonijiet, kienet se tissarraf fi ħsara irreparabbli. Il-Gvern Laburista żera’ r-riħ u issa qed jaħsad riefnu, temmet tgħid l-istqarrija.