Internazzjonali

Franza: Jenfasizza li l-pajjiż għaddej bi ‘gwerra mat-terroriżmu’

Il-Ministru Franċiż għall-Intern, Gerard Darmanin, għamilha ċara li Franza, bħalissa, ‘għaddejja bi gwerra kontra t-terroriżmu Iżlamiku’.

Il-kummenti tal-ministru, waqt żjara li kien qed jagħmel fis-sinagoga ta’ Boulogne-Billancourt ( sobborg ta’ Pariġi), ingħataw wara li adolexxenti, imwieled il-Pakistan, ammetta li, tlett ijiem ilu, kien aggredixxa lin-nies b’mannarett barra l-uffiċini tal-ġurnal satiriku Charlie Hebdo, fil-kapitali.

Intant, wara l-inċident, il-pulizija arrestat talanqas disa’ persuni b’konnessjoni mat-‘terroriżmu tal-militanti Iżlamiċi.’

L-adolexxenti ta’ 18-il sena, li l-investigaturi qed isejħulu ‘Hassan A’, qal li hu wettaq l-attakk tal-Ġimgħa biex jivvendika ruħu mill-pubblikazzjoni tal-karikaturi dwar il-Profeta Mohammed ( il-fundatur tal-Islam) minn Charlie Hebdo.

L-uffiċini ta’ dan il-ġurnal, fl-2015 , kienu spiċċaw sit ta’ massakru fost attakk qalil minn terroristi Iżlamiċi fuq il-membri tal-istaff.

Is-sorsi qrib l-investigazzjoni attwali qalu li kollox jindika li l-adolexxenti kien qed jaġixxi waħdu fl-aħħar attakk  u li hu qatt qabel ma kien suspettat bħala ‘element radikali’. Madankollu, fl-aħħar sigħat, l-awtoritajiet żammew numru ta’ nies taħt arrest fosthom qarib u wieħed mill-ħbieb ta’ ‘Hassan A’.