Elezzjoni Kap PN Lokali

“Il-ġlieda kontra l-korruzzjoni hi l-ġlieda ta’ soċjetà f’saħħitha”

Il-Prim Ministru Robert Abela jaħrab milli jwieġeb dwar sieħbu Joseph Muscat ghaliex għandu ħafna xi jwieġeb dwar dak li seħħ meta hu kien konsulent speċjali tieghu u jattendi l-laqgħat tal-kabinett.

Hekk qal il-kandidat għall-elezzjoni ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech b’risposta ċara lil Robert Abela u żied jgħid li l-liġi tal-allat u tan-nies normali tgħodd għal dawk kollha li ilhom jaħarbu l-ġustizzja għal erba’ snin u li wassal għall-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

B’riferenza għall-arrest mill-pulizija ta’ Keith Schembri li kien personalment magħżul mill-ex Prim Ministru Joseph Muscat biex ikun iċ-Chief of Staff tiegħu Grech qal li l-korruzzjoni tferi personalment lin-nies u tisraq il-ħobż u l-għixien minn ħalq ulied il-poplu. Bernard Grech fakkar li meta kien qed jixhed fl-Inkjesta Pubblika dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, Chris Fearne xehed li Joseph Muscat qallu li l-Kabinett ma kellux jindaħal fejn jidħol Keith Schembri u fisser kif il-Labour niseġ kultura ta’ xejn mhu xejn u li jekk iċ-ċittadin sejjer tajjeb ma ġara xejn li ta’ fuq jagħmlu li jridu. 

“Tal-Labour daħqu bil-poplu Malti u Għawdxi u fuq kollox daħqu b’min ivvutalhom partikolarment dawk kollha li belgħu il-lixka li tal-Partit Nazzjonalista huma negattivi” saaq Grech u saħansitra sa ftit xhur ilu il-Ministri, d-Deputati u l-Uffiċjali kollha tal-Partit Laburista kienu qed jgħaddu vot ta’ fiduċja fuq vot ta’ fiduċja f’Joseph Muscat u, allura, f’dawk ta’ madwaru. 

Il-kandidat għall-elezzjoni ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal ukoll li kull ċittadin Malti u Għawdxin hu fid-dmir li jiġġieled il-korruzzjoni u dawk li jibqgħu siekta u passivi jsiru kompliċi. Il-Korruzzjoni tferi lin-nies, lill-ħaddiema, lil businesses onesti u lill-familji. “Il-Korruzzjoni tisraq il-ħobż u l-futur minn ħalq ulied il-poplu. Ghalhekk il-ġlieda kontra l-korruzzjoni hi l-ġlieda ta’ soċjetà f’saħħitha,” temm jgħid Bernard Grech.