Coronavirus Lokali Saħħa

Il-ħajja ta’ ħafna tiddependi minn deċiżjonijiet f’waqthom – PN

Pajjiżna fil-preżent jinsab għaddej minn diffikultajiet kbar relatati mal-pandemija bl-imxija tal-COVID-19, liema pandemija qed iġġib magħha sfida kbira u serja għall-qasam u għas-servizzi tas-saħħa. Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista qal li l-ħajja ta’ ħafna tiddependi minn deċiżjonijiet f’waqthom, mingħajr indħil politiku.

Iffirmata mill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa Stephen Spiteri, l-istqarrija qalet li n-numru tal-persuni infettati kuljum bil-virus huwa wieħed għoli meta mqabbel mal-popolazzjoni u għal pajjiżna, filwaqt li sfortunatament qegħdin naraw ukoll żidiet kbar fin-numru ta’ infezzjonijiet u mwiet fost l-anżjani, l-persuni vulnerabbli u dawk li qegħdin jingħataw jew jieħdu l-kura għal mard ieħor. Għaldaqstant jeħtieġ u rridu nassiguraw l-aħjar protezzjoni lil kull min għandu bżonn u min hu vulnerabbli, għax is-saħħa tal-poplu tagħna għandha dejjem tkun prijorità.

L-istqarrija tal-PN kompliet tgħid li filwaqt li rridu nagħżlu dak li huwa ta’ ġid komuni huwa d-dover tagħna lkoll li nieħdu ħsieb dawk li huma f’riskju akbar għal saħħithom. Għalhekk, ejja nkunu lkoll responsabbli, nosservaw d-direttivi tas-saħħa u dak kollu li l-Awtoritajiet tas-Saħħa Pubblika qegħdin jisħqu fuqhom.

Min imexxi lil pajjiżna, l-Gvern għandu l-obbligu li jara x’inhu l-aħjar għall-poplu tagħna, għax il-ħajja ta’ ħafna tiddependi minn deċiżjonijiet li jittieħdu f’waqthom. Irridu nkunu kburin li Maltin, u li naħdmu flimkien għal ġid tan-nies u ta’ pajjiżna, temmet tgħid l-istqarrija.