Internazzjonali

Il-poplu tal-Iżvizzera ma jaċċettax it-tmiem tal-ftehim mal-UE għall-moviment ħieles

Il-votanti fl-Iżvizzera, waqt referendum, qalu ‘le’ għall-proposta biex il-pajjiż iwarrab għall-ftehim mal-Unjoni Ewropea li jiggarantixxi l-moviment ħieles ta’ persuni.

L-indikazzjonijiet, skont l-aħħar kalkoli, kienu li l-votanti huma lesti biex jiċħdu l-proposta b’63 kontra 37 fil-mija. L-għadd tal-voti għadu għaddej fost stennija li r-riżultati finali jkunu konfermati matul il-lejl. Dan meta l-poplu Żvizzeru qed jivvota wkoll għal diversi issues oħrajn waqt ir-referendum.

Għalkemm mhix membru tal-Unjoni Ewropea, l-Iżvizzera taċċetta l-kunċett tal-moviment ħieles għan-nies biex hi (f’pass reċiproku) ikollha l-aċċess għall-kummerċ liberu. Dan meta l-Iżvizzera qed tikkoopera ma’ Brussell f’diversi oqsma li jinkludu t-trasport u l-edukazzjoni.

Il-proposta  miċħuda mill-Iżvizzeri kienet saret fuq l-inizjattiva tal-Partit tal-Poplu – jew l-SVP tal-lemin – u kienet anki ‘żvilupp naturali’ wara r-referendum tal-2014 għall-introduzzjoni tal-kwoti għall-immigranti mill-UE u fejn il-vot kien ħareġ favur, bi ftit.

Is-sostenituri tal-pjan għal kontra l-moviment ħieles qalu li dan il-kunċett kellu jippermetti biex l-Iżvizzera tikkontrolla l-fruntieri tagħha, minbarra li tagħżel biss lill-immigranti li trid hi.

Iżda l-avversarji tal-pjan insistew li ‘il-bidla proposta’ kellha twassal għal riċessjoni f’pajjiż magħruf għall-ekonomija robusta tiegħu.

Fl-istess ħin, l-attivisti kontra l-inizjattiva tal-SVP sostnew li l-pjan għal kontra l-moviment ħieles, li kieku għadda, kien se jiċħad lill-mijiet tal-eluf taċ-ċittadini Żvizzeri mid-dritt li jgħixu u jaħdmu fid-diversi pajjiżi tal-Ewropa.