Lokali

Keith Schembri qallu jmur jikkalma lil Melvin Theuma

Is-security ta’ Joseph Muscat, Kenneth Camilleri intbgħat minn Keith Schembri għand il-middleman Melvin Theuma biex jikkalmah.

Hija din l-aħbar li dehret fuq il-gazzetta MaltaToday li  tkompli żżid ma lista ta’ aħbarijiet oħra li minnhom joħorġu rabtiet mill-qrib bejn persuni f’Kastilja u oħrajn implikati fl-assassinju tal-Ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Fil-qorti taħt ġurament, Kenneth Camilleri qal li sar jaf għalxiex kellu jikkalma lil Melvin Theuma appena mar ħdejh hekk kif dan tal-aħħar qallu biex iwassal messaġġ lura lil Keith Schembri dwar il-bail tal-aħwa Degiorgio.

Is-security ta’ Joseph Muscat żvela li hu spiċċa messaġġier bejn Keith Schembri f’Kastilja u l-middleman Melvin Theuma hekk kif dawn iltaqgħu minn tal-inqas 4 darbiet.

Il-laqgħa li rreferiet għaliha il-MaltaToday saret fl-2018, xhur wara li seħħ l-assassinju.

Keith Schembri kien ċempel lil Kenneth Camilleri permezz ta’ ‘WhatsApp’ fejn qallu biex imur għand Melvin Theuma biex jikkalmah. Bis-security tal-eks Prim Ministru jgħid li ma kienx jaf għalfejn kien se jikkalma lil Theuma. Miegħu kien mar Yohann Cremona, persuna fin-negozju ma’ Yorgen Fenech li jinsab akkużat kompliċi fl-istess assassinju.

Skont il-MaltaToday, Camilleri qal li inħasad hekk kif Melvin Theuma semmilu lill-aħwa Degiorgio u prova jċempel lil Keith Schembri li iżda qatalu l-linja.

Fix-xhieda tiegħu, Camilleri jsemmi li fost oħrajn iltaqa’ ma’ Theuma barra l-Parlament u barra Kastilja fejn fiż-żewġ drabi kien il-middleman li avviċinah.