Coronavirus Lokali Saħħa

Robert Abela jgħid li “għandna kontroll tajjeb tas-sitwazzjoni”

“Xorta waħda nibqa’ ngħid li f’pajjiżna għad għandna kontroll tajjeb tas-sitwazzjoni imma meta tqabbel ma’ pajjiżi oħra mhux biss dawk fl-Ewropa… imma prinċipalment dawk fl-Ewropa… “

Hekk sostna l-Prim Ministru Robert Abela f’intervista li saritlu fuq il-media Laburista mill-preżentatur John Bundy, dan għalkemm il-Ġimgħa, fil-bullettin mediku s-Supridentent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci qalet li pajjiżna bħalissa huwa t-tielet l-agħar fl-Ewropa b’rata allarmanti ta’ mwiet ta’ 2.2.. bi 15-il mewta fl-aħħar għaxart ijiem.

“Hija rata għolja għalina rata ta’ 2.2 irridu nnaqsuha għax kull persuna li jitlef ħajtu huwa prezzjuż” – Charmaine Gauci

Intant fl-isfond ta’ dan kollu Robert Abela insista li Malta fl-aħħar jiem rat tnaqqis fir-rata ta’ infezzjonijiet….

“F’dawn l-aħħar jiem [ir-rata ta’ infezzjonijiet] kienet anqas…”

… dan meta fl-aħħar ġimagħtejn kellna 743 każ ġdid u   dan meta wkoll f’April, Mejju, Ġunju u Lulju, kellna rata ta’ infezzjonijiet ferm aktar baxxi minn din iċ-ċifra tal-aħħar ġimagħtejn. B’pajjiżi bħall-Urugwaj, Gambia, Vietnam, Alġerija u Ċipru għandhom rata ta’ mewt aħjar minn dik ta’ Malta.

Robert Abela mill-ġdid kompla fuq dak li qal l-Ministru tal-Edukazzjoni fejn tenna għal darba darbtejn li r-realtà hi li fl-iskejjel se jkun hemm l-infezzjonijiet.

“Ir-realtà hi li ma tista tagħti ebda garanzija li mhux se jkollok każijiet ta’ studenti li taqbadhom il-Covid-19”

Intant, Robert Abela ammetta li b’dak li seħħ f’dawn l-aħħar snin, ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna ħadet daqqa kbira.

“Nibqa’ nnaddaf isem pajjiżna”

Madankollu ħarab milli jgħid x’azzjoni x’se jieħu dwar Joseph Muscat, bl-aħħar stqarrija ma’ Net News dwar il-konsulent u l-eks mexxej tiegħu tkun li Muscat diġà ħallas prezz politiku kbir meta rriżenja…. b’indikazzjoni li dan kollu kien biżżejjed.