Internazzjonali

Stati Uniti: Trump jinnomina lil Coney Barrett fir-rwol ta’ Imħallef tal-Qorti Suprema

Il-President Amerikan Donald Trump innomina lil Amy Coney Barrett, personalità favorita mal-konservattivi soċjali, għar-rwol ġdid ta’ Imħallef tal-Qorti Suprema tal-Istati Uniti. Trump sostna li Coney Barrett ‘għamlet kisbiet straordinarji’ fil-karriera tagħha bħala imħallef u fejn hi ‘uriet dejjem lealtà assoluta lill-Kostituzzjoni’.

F’każ li s-senaturi jikkonfermawha fir-rwol, l-Imħallef Barrett għandha tieħu post Ruth Bader Ginsburg; l-imħallef liberali tal-Qorti Suprema li mietet ftit jiem ilu fl-età ta’ 87 sena.

Intant, qabel il-konferma potenzjali, in-nomina għandha twassal għal ‘taqbida qalila’ fis-Senat, meta l-Istati Uniti qed tħejji għall-elezzjoni Presidenzjali ta’ Novembru.

Joe Biden, il-kandidat tal-Partit Demokratiku għall-White House u r-rivali kbir ta’ Trump, ħeġġeġ biex is-Senat ‘ma jieħux azzjoni rigward il-kariga li trid timtela’ fil-Qorti Suprema sakemm il-poplu  jagħżel il-President u l-Kungress li jmiss tal-Istati Uniti.

F’każ li l-Imħallef Barrett tkun ikkonfermata bħala membru ġdid tal-Qorti Suprema minflok Ginsburg, l-imħallfin konservattivi jispiċċaw b’vantaġġ ta’ sitta kontra tlieta fil-konfront tal-liberali. Il-verdetti ta’ dawn l-imħallfin, is-soltu, jibdlu l-politika pubblika dwar varjetà ta’ kwistjonijiet li jvarjaw mid-dritt ta’ persuna biex iġġorr arma tan-nar u d-dritt għall-abort.