Lokali Qorti

Il-kawża li għamlu l-ħaddiema ta’ Keith Schembri fuq is-salarji wara l-iffriżar tal-assi se tkompli l-Ħamis

Tmienja u sebgħin persuna impjegati ma’ diversi kumpaniji li fihom Keith Schembri għandu interess kummerċjali u li jinsabu nkwetati li jistgħu jibqgħu bla salarju sal-aħħar tax-xahar se jkollhom ikomplu jistennew sa mill-anqas nhar il-Ħamis, l-1 ta’ Ottubru.

Dan wara applikazzjoni urġenti fil-Qorti fejn huma talbu biex il-pagi tagħhom ikunu eżentati minn ordni ta’ ffriżar maħruġa l-ġimgħa li għaddiet. L-applikazzjoni li saret mill-ħaddiema fil-weekend li għadda bdiet tinstema bil-magħluq quddiem l-Imħallef Aaron Bugeja.

Wara aktar minn tliet sigħat ta’ trattazzjoni ġie deżiż li l-kawża titkompla nhar il-Ħamis li ġej fejn il-partijiet għandhom jippreċentaw xi dokumenti Dwar dan saru żewġ talbiet waħda s-Sibt u l-oħra l-Ħadd, t-tnejn b’urġenza.

L-ewwel waħda saret minn  sitt kumpaniji li huma proprjetà ta’ Keith Schembri l-eks Chief of Staff tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat
Il-kumpaniji  talbu permess biex temporanjament ikollhom aċċess għall-assi tagħhom, u qalu li dawn  biex iħallsu s-salarji lill-impjegati tagħhom.

Ditti li jagħmlu parti minn negozju ta’ Schembri kellhom l-assi tagħhom iffriżati ġimgħa ilu wara li Qorti ħarġet ordni ta’ sekwestru f’dan is-sens. L-ordni telenka 91 persuna u kumpanija, fosthom Schembri u l-accountants tiegħu f’Nexia BT, Brian Tonna u Karl Cini, u ordnat l-iffriżar fuq suspett ta’ reati ta’ ħasil ta’ flus.

Dawn l-erba’ persuni ġew arrestati bejn it-Tnejn u t-Tlieta tal-ġimgħa l-oħra u li wara ngħataw police bail hekk kif l-investigazzjonijiet qegħdin ikomplu. L-identità tar-raba ‘persuna għadha mhux magħrufa

Schembri, Tonna, u Cini ġew arrestati wara l-konklużjoni ta’ inkjesta dwar reati finanzjarji.  F’applikazzjoni ppreżentata nhar il-Ħadd, it-78 impjegat talbu lill-Qorti biex tikkunsidra t-talba bħala waħda urġenti, minħabba li nhar l-Erbgħa huwa l-aħħar tax-xahar u l-impjegati għandhom jitħallsu l-paga tagħhom dakinhar

Huma qalu li l-paga tagħhom hija l-unika għajxien tagħhom u kellhom bżonn il-flus biex jitimgħu lill-familji tagħhom u jħallsu s-self bankarju tagħhom.

Huma kkwotaw il-Kostituzzjoni li tgħid li l-Istat għandu jipproteġi l-impjiegi, kif ukoll il-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem li tgħid li kull persuna naturali hija intitolata għat-tgawdija paċifika tal-possedimenti tagħha.

L-Avukati Edward Gatt u Mark Vassallo li qegħdin jidhru għal Keith Schembri qablu ma’ dan u argumentaw li ħadd mit-78 persuna ma jidher fuq l-ordni ta’ investigazzjoni tat-Tnejn u l-iffriżar tal-paga tagħhom kien sproporzjonat.

L-avukati qalu li d-dritt tal-klijenti tagħhom qed jinkiser billi kienu sempliċement impjegati u ma kellhom xejn x’jaqsmu mal-każ in kwistjoni.
L-avukati, għalhekk, talbu lill-Qorti biex tisma’ s-sottomissjonijiet tagħhom b’urġenza u sussegwentement jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ ammont stabbilit biex il-kumpaniji jkunu jistgħu joħorġu pagamenti tas-salarji taħt l-għajn ta’ amministratur maħtur mill-Qorti.

Fl-applikazzjoni ppreżentata mill-kumpaniji nhar is-Sibt, l-avukati, li jirrappreżentaw ukoll lil Schembri personalment, argumentaw li kien għad irid jiġi ddeterminat jekk l-ordni ta’ ffriżar kinitx konformi mal-konklużjonijiet tal-inkjesta Maġisterjali dwar it-talbiet ta’ korruzzjoni, kickbacks u ħasil ta’ flus, konkluż mill-Maġistrat Natasha Galea Sciberras.

Il-każ li kien preżentat nhar is-Sibt jgħid li sitt kumpaniji li huma proprjetà ta’ Keith Schembri ressqu applikazzjoni urġenti tal-Qorti fejn talbu permess biex temporanjament jiġi sospiż l-iffriżawrl-assi tagħhom, u qalu li għandhom iħallsu salarji lil 100 impjegat.

L-applikazzjoni ġiet ippreżentata quddiem l-Imħallef Aaron Bugeja. Il-Qorti ntalbet tikkunsidra t-talba bħala urġenti, anke minħabba li l-Erbgħa hija l-aħħar ġurnata  tax-xahar u l-impjegati li għandhom jitħallsu l-paga tagħhom dakinhar.

L-ordni ta’ sekwestru nħarġet mill-Imħallef Edwina Grima fuq talba tal-Avukat Ġenerali. Fl-applikazzjoni, il-kumpaniji li huma proprjetà ta’ Schembri argumentaw li l-ordni ta’ ffriżar kellha effetti katastrofiċi “mhux biss fuq il-kumpaniji u s-sid tagħhom iżda fuq partijiet terzi li huma kompletament estranji għall-investigazzjoni.