Futbol Sport

Ħamrun Spartans viċin li jakkwistaw lil Matthew Guillaumier

(Ritratt: Trevor Sollars)

Fil-ħin li ġej mistennija ssir laqgħa ferm importanti dwar it-trasferiment tal-plejer internazzjonali Malti Matthew Guillaumier b’possibilità li l-plejer jissieħeb lil Ħamrun Spartans mingħand Birkirkara.

Jidher li matul il-jum, Ħamrun għamlu passi importanti fit-trasferiment ta’ dan il-plejer wara li żiedu l-offerta tagħhom, liema offerta ġiet aċċettata minn Birkirkara, bil-paġna ta’ Replay fuq Facebook tikkonferma li s-somma għal dan il-plejer tista’ tkun waħda rekord għall-futbol lokali.

Fl-aħħar xhur Ħamrun Spartans investew bis-sħiħ fl-iskwadra tagħhom u akkwistaw bosta plejers importanti. Il-potenzjal tal-iskwadra Ħamruniża kien evidenti fl-ewwel żewġ partiti tal-Kampjonat BOV Premier fejn kisbu rebħiet ta’ 5-1 u 4-1 kontra Sirens u Santa Lucia rispettivament.