Internazzjonali

Il-ġlied bejn l-Armenja u l-Ażerbajġan kapaċi jiddistabblizza lis-swieq internazzjonali

epa08702671 A grab taken from a handout video released by the so-called Nagorno-Karabakh (NKR) Defense Army, or Artsakh Defence Army, via Youtube claims to show tanks allegedly destroyed in shelling, artillery and air attacks along the front at Nagorno-Karabakh Republic, on a border of Armenia and Azerbaijan, 27 September 2020. According to media reports, Armenia has imposed martial law and total military mobilisation after clashes have erupted in the territorial conflict between Armenia and Azerbaijan in Nagorno-Karabakh Republic, with both sides reporting civilian deaths after shelling, artillery and air attacks along the front. EPA-EFE/NKR DEFENSE ARMY / HANDOUT ATTENTION: EPA is offering an image from an alternative source and cannot provide confirmation of content, authenticity, place, date and source. HANDOUT EDITORIAL USE ONLY/NO SALES

Kwalunkwe spinta fil-konfront militari attwali bejn il-qawwiet tal-Armenja u l-Ażerbajġan kapaċi taffettwa jew anki tiddistabbilizza lis-swieq internazzjonali.

Dan għaliex il-konflitt li reġa żbroffa bejn iż-żewġ Stati rivali dwar ir-reġjun polemikuż ta’ Nagorno-Karabakh jista’ jħalli r-riperkussjonijiet ‘il hinn min-Nofsinar tal-Kawkasu minfejn għaddejjin il-pipelines li jwasslu ż-żejt u l-gass naturali mill-Baħar Kaspjan lejn is-swieq tad-dinja.

L-aħħar ġlied, li żbroffa nhar il-Ħadd, bejn il-qawwiet Armeni u Ażeri hu l-agħar fir-reġjun għal ħafna snin. Ir-rapporti qalu li mietu talanqas 25  (fosthom ċivili) fil-konfronti meta l-Armenja u l-Ażerbajġan – it-tnejn eks Repubbliċi Sovjetiċi – qegħdin jinsistu bid-drittijiet rispettivi fuq Nagorno-Karabkh.

Il-ġlied f’Nagorno-Karabakh qed ikompli, bħalissa, bil-kelliema għall-qawwiet avversarji jinsistu dwar ‘vantaġġ’ minn aspett militari

Il-komunità internazzjonali tirrikonoxxi lir-reġjun ta’ Nagorno-Karabakh (qalb il-muntanji tal-Kawkasu) bħala parti mill-Ażerbajġan – iżda hu minnu wkoll li t-territorju inkwistjoni hu kontrollat mill-Armeni etniċi. Il-konflitt, intant, ilu jistenna soluzzjoni għal aktar minn 30 sena.

Il-President Ażeri, Ilham Aliyev, issa qal li hu fiduċjuż li jikseb lura l-kontroll fuq ir-reġjun sħiħ ta’ Nagorno-Karabakh. Dan meta qed tkun imposta l-liġi marzjali f’diversi partijiet tal-Ażerbajġan, bl-Armenja u Nagorno-Karabakh ukoll qed jimplimentaw il-miżura.

Il-liġi marzjali tinvolvi miżura ta’ emerġenza li tippermetti biex il-militar jassumi l-awtorità u l-funzjonijiet ta’ gvern ċivili.

Intant, in-Nazzjonijiet Uniti u numru ta’ pajjiżi qegħdin isegwu b’ansjetà l-iżviluppi fir-reġjun delikat, bis-Segretarju-Ġenerali tan-NU, Antonio Guterres, jisħaq li ‘hu preokkupat ħafna’ dwar il-konflitt bejn l-Armeni u l-Ażeri.

Guterres qed isejjaħ biex l-Armenja u l-Ażerbajġan jieqfu mill-ġlied immedjatament waqt li Franza – li għandha komunità kbira ta’ Armeni – ukoll sejħet biex il-pajjiżi avversarji jieħdu pass lura u jissieħbu fi djalogu.

Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump qal li pajjiżu ‘qed jieħu l-inizjattivi biex iwaqqaf il-vjolenza f’dik iz-zona ta’ gwerra’ waqt li l-Iran – l-għadu qalil tal-Istati Uniti u li jaqsam fruntiera mal-Armenja u l-Ażerbajġan – offra li jisponsorja taħditiet ta’ paċi bejn ir-rappreżentanti ta’ Yerevan u Baku.

Intant, ir-Russja, alleata tradizzjonali tal-Armenja, qed tħeġġeġ għal waqfien mill-ġlied immedjat waqt li l-President tat-Turkija, Recep Tayyip Erdogan, impenja l-appoġġ tiegħu lill-Ażerbajġan waqt li talab ‘biex id-dinja tappoġġja lill-Ażeri f’din il-battalja’.