Internazzjonali

Il-kriżi fil-Belarus: Mitluba l-medjazzjoni tal-President ta’ Franza

Il-Kap tal-Oppożizzjoni tal-Belarus, Svetlana Tikhanovskaya, qed tħeġġeġ biex il-President ta’ Franza, Emmanuel Macron, iservi ta’ medjatur fil-kriżi politika ta’ pajjiżha. Fl-istess ħin, Tikhanovskaya indikat li Macron kapaċi jinvolvi lir-Russja f’impenn biex jinfetaħ djalogu li kapaċi jtaffi din il-kriżi kontinwa.

Intant, , Svetlana Tikhanovskaya – li qed tgħix f’eżilju fil-Litwanja — qalet li l-Unjoni Ewropea għandha tespandi numru ta’ sanzjonijiet ippjanati biex dawn jinkludu l-intrapriżi li qegħdin jappoġġjaw lill-Gvern awtoritarju tal-President tal-Belarus, Alexander Lukashenko.

‘Il-protesti kontra Lukashenko mhumiex se jieqfu’, enfasizzat Tikhanovskaya li kellha taħrab lejn Vilnius (il-kapitali tal-Litwanja) wara li kienet tilfet l-elezzjoni ta’ Awwissu kontra l-President tal-Belarus. Hi kompliet li  n-nies tal-Belarus ‘mhumiex se jaċċettaw aktar ir-reġim li ilhom jgħixu taħtu għal dawn is-snin kollha’.

Svetlana Tikhanovskaya qed tittama fl-opportunità li tiltaqa’ ma’ Macron, li, proprju llum qed jibda żjara ta’ jumejn fil-Litwanja.