Lokali Qorti

Illiberat mill-Appell fuq każ ta’ vjolenza domestika

Raġel ta’ 55 sena mill-Mosta kellu sentenza ta’ sitt xhur ħabs revokata għal waħda ta’ lliberat minn kull ħtija fuq akkużi ta’ theddid fuq martu. Huwa kien instab ħati mill-Qorti tal-Maġistrati li nsulentaha, kkaġunala ġrieħi ħfief, li kkaġunala biża li kienet se ssir vjolenza kontriha.

Il-Qorti tal-Appell preseduta mill-Imħallef Giovanni Grixti semgħet il-provi fejn Spagnol kien insab ħati wkoll li hedded Kuntistabbli tal-Pulizija.

Kuntistabbli xehed li fil-25 ta’ Ġunju 2016 huwa kien wiegeb ghal-sejħa ta’ assistenza dwar vjolenza domestika u mar fuq il-post fejn kien Andrew Spagnol li fetaħ il-bieb u nnota li kellu riħa qawwija ta’ xorb, ma kienx jiftiehem fi kliemu u qal li ma kien ġara xejn.

Meta kellem lill-martu allegat li kienet qalgħet daqqa ta’ ponn f’rasha minghand żewġha. Hi rrifjutat li tinġieb ambulanza fuq il-post fejn kien hemm ukoll tliet itfal ta’ eta’ żgħira.

Meta mitkellem mill-Pulizija, Andrew Spagnol beda jgħid li dik hija daru u li l-Pulizija ma kellhiex dritt tidħol fi ħwejjgu. Mitlub jinżel l-Għassa tal-Pulizija ghall-ewwel aċċetta iżda wara ftit irrifjuta, imbagħad reġa bdielu u baqa’ jibdel il-fehma tiegħu.

Wara li l-Pulizija pperswadietu jmur l-Għassa, martu bdiet targumenta miegħu u reġgħet qamet kommossjoni fejn Spagnol għamel sinjal b’sebgħu ma’ ghonqu u qal lil martu “ngħamillek hekk jien”.

Ix-xhud kompla jgħid li Spagnol kien skortat ‘l barra u beda jinsisti li jkun immanettjat inkella ma jitlax fil-karozza u jinżel bil-mixi. Talab li jkun manettjat bil-kunsens tiegħu stess inkella ma jmurx mal-Pulizija u beda jirreżisti u jgħid li se jġib ir-reġistrazzjoni tal-cameras li kellu fid-dar tieghu.

Wara li kien manettjat, ingħata d-drittijiet tiegħu. Wara ġie meħud l-għassa. Il-Pulizija qal ukoll fil-Qorti li l-imputat qatt ma għajjat mal-Pulizija iżda meta ġew biex jarrestawh kien “irreżista ftit” iżda minn hemm ‘l quddiem kien kalm.

Surġenta qalet fil-Qorti lil-Għassa tal-Pulizija tal-Mosta kienu nfurmati minn mart Andrew Spagnol illi żewġha kien għadu kemm ċemplilha u nfurmaha li kien sejjer id-dar u fost tgħajjir ikkagunalha biża.

Il-Pulizija tal-RIU marru fir-residenza u wara l-imputat kien mitkellem u ttieħed l-isptar minħabba uġiegħ f’sidru.Ċertifikat mediku dwar il-mara ta’ Andrew Spagnol maħruġ mid-Dipartiment tal-Kura Primarja, tal-Floriana, fis-26 ta’ Gunju 2016, jiddeskrivi “uġiegħ wara widnitha x-xellugija.”

Il-mara għażlet li ma tixhidx fil-Qorti u l-istess decizzjoni ttieħdet ukoll minn bintha. Il-Qorti qalet li mhux l-ewwel darba f’kawzi ta’ allegata vjolenza domestika min jagħmel ir-rapport jagħżel li ma jkomplux bil-proċeduri billi ma jixhidx.

Dan għal diversi raġunijiet li jvarjaw minn ftehim paċifiku bejn il-partijiet minħabba konsegwenzi ta’ proċeduri kriminali speċjalment wara sentenza tal-ewwel Qorti, u minħabba biża ta’ tpattija f’każ ta’ sejbien ta’ ħtija fost oħrajn.

Il-Qorti qalet li għexet każijiet ukoll fejn min jagħmel il-kawża tant ikunu saru jiddependu mill-parti l-oħra li jħossuhom saħansitra inkapaċi li jkomplu bil-każ tagħhom.

Huwa mportanti li l-Qorti u anke l-prosekuzzjoni jkunu fit-triq biex jidentifikaw sitwazzjonijiet bħala dawn. Dak li l-Qorti tista’ tagħmel f’sitwazzjonijiet simili hu li taċċerta ruħha illi ma jkunx hemm xi waħda minn dawn il-forom li qed jimpeddixxu lil xi ħadd milli jixhed.

F’dan il-każ, iżda, d-dikjarazzjoni ta’ ritorn għall-hajja paċifika saret milli-imputat quddiem martu li kienet assistita mill-avukat ta’ fiduċja tagħha. Għalhekk minħabba nuqqas ta’ provi ma tistax tinsab ħtija. Il-Qorti lanqas ma sabet ħtija fuq l-akkuża fuq offiża fil-konfront ta’ uffiċjal tal-Pulizija.

Il-Qorti qalet li mill-provi, l-imputat lanqas biss jaf x’kien qed jagħmel u minkejja din ir-reżistenza għall-arrest tiegħu kienet tikkonsisti fir-rifjut li jittieħed l-Għassa jekk ma jkunx mmanettjat.

U meta kien konvint li jittieħed ġibed idu lura meta tqiegħdulu l-manetti u qal lill-Pulizija li se jqiegħdhom. Minn hemm ‘l quddiem ma kien ta ebda inkwiet u żamm kalm.

Għalkemm il-kliem “inqiegħdkom” jista’ jkunu ta’ konsegwenza, fiċ-ċirkostanzi tal-każ ma jidhirx li kellhom jittieħdu xi azzjonijiet, tant li ebda wieħed mill-Pulizija xhieda ma qalu li ħassuhom mhedda b’dak id-diskors. Għaldaqstant Andrew Spagnol ġie lliberat. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Edward Zammit.