Internazzjonali

Iraq: Lejn l-irtirar ta’ diplomati Amerikani fost inkwiet dwar ‘battalji ġodda’

L-Istati Uniti, skont l-aħħar rapporti minn Bagdad, qed tħejji biex tirtira lid-diplomati tagħha minn dan il-pajjiż fost twissija li kapaċi tagħlaq l-ambaxxata tagħha fil-kapitali Iraqqija.

L-Iraqqin, intant, qed jinkwetaw li l-iżviluppi li jmiss kapaċi jibdlu pajjiżhom mill-ġdid ‘f’zona ta’ battalja’. Dan meta sorsi qrib il-Gvern Iraqi qalu li s-Segretarju tal-Istat Amerikan Mike Pompeo, jiem ilu, hedded li jagħlaq l-ambaxxata f’Bagdad waqt telefonata lill-President Iraqi Barham Salih.

Kwalunkwe pass mill-Istati Uniti biex tnaqqas mill-preżenza diplomatika fl-Iraq għandu jitqies – mill-pajjiżi tar-reġjun – bħala eskalazzjoni tal-konfront bejn Washington u l-Iran.

L-Istati Uniti, li qed iżżomm xi 5,000 suldat fl-Iran qed takkuża lill-Iran dwar diversi attakki bil-missili u l-bombi kontra l-interessi tagħha.

Intant, l-irtirar tad-diplomati mill-Iraq għandu jiftaħ il-possibbiltà ta’ azzjoni militari, meta fadal biss ġimgħat għall-elezzjonijiet Presidenzjali fl-Istati Uniti. Dan ukoll meta l-President Amerikan attwali, Donald Trump, qed juża l-kampanja elettorali tiegħu biex, fost oħrajn, jippromwovi ‘politika ħarxa’ fil-konfront tal-Iran fundamentalista u l-alleati tiegħu.