Lokali Qorti

Is-sena Forensi se ssir b’mod differenti minħabba l-COVID-19

Fid-dawl tar-restrizzjonijiet tal-COVID-19 ġie miftiehem bejn l-Uffiċċju tal-Prim Imħallef u l-Kamra tal-Avukati li ċ-ċerimonja tradizzjonali tas-sena Forensi ta’ nhar il-Ħamis l-1 ta’ Ottubru ma ssirx bħas-soltu.

Is-sena Forensi timmarka l-ftuħ ta’ staġun ġdid tal-Qorti li bħas-soltu se tiġi ċċelebrata quddiesa fil-konkatidral ta ’San Ġwann mill-Arċisqof ta’ Malta Charles J. Scicluna. Hawn se jinħarġu numru limitat ta’ stediniet mill-Prim Imħallef li jippermettu li jinżamm distakkament soċjali xieraq.

Sadanittant minflok is-solitu messaġġi li jsiru fl-awla 22 tal-Qorti li ssoltu tkun mimlija b’ħafna mistiednin distinti u fil-preżenza ta’ ħafna avukati u l-media, mhux se tkun qed isir b’dan il-mod.

Se jsiru messaġġi qosra mill-Prim Imħallef  Mark Chetcuti u l-Avukat Louis de Gabriele, l-President tal-Kamra tal-Avukati u wara dan mistenni jintbagħat lill-istampa.

Sadanittant wara talba minn naħa tal-Kamra tal-Avukati fid-dawl tal-kjuwijiet kbar li qed ikun hemm biex il-pubbliku jkun jista’ jidħol il-Qorti, l-aktar bejn it.8.30am. u d-9.30am. minn nhar il-Ħamis ukoll mistenni jkun hemm tibdil fid-dħul tal-Avukati.

Dawn mistennija jibdew jidħlu minn naħa wara l-Qorti – li tiġi fin-naħa tal-hekk imsejjaħ tar-Reġistru tal-Qorti biex jiġi evitat ħafna ffullar żejjed. L-Avukati fil-Qorti ilhom ftit mhux ħażin jilmentaw mill-fatt li qegħdin jinġabru ħafna nies mal-bieb prinċipali tal-Qorti meta l-pandemija tal-COVID-19 qed tkun waħda allarmanti.