Lokali Saħħa

Jinġabru aktar minn €1.4 miljun għal Djar Bjorn

L-ALS Malta bi proġett ambizzjuż ta' faċilità akbar f'Ħaż-Żebbuġ

“Is-somma finali hija …. € 1,436,955.  …. Grazzi. Grazzi ħafna!”

Il-poplu Malti mill-ġdid reġa’ wera il-ġenerożità u l-qalb ħanina tiegħu matul il-jum tal-Ħadd meta rnexxielu joffri din is-somma ta’ kważi miljun u nofs ewro b’riżq l-ALS Malta.

Il-protagonist ewlieni waqt il-programm kien bla dubju Bjorn Formosa, il-fundatur tal-ALS Malta.

Dawn il-fondi miġbura, f’maratona ġbir ta’ fondi bejn 12pm u 12am imxandra wkoll fuq NET Television, se jmorru għal Dar Bjorn il-ġdida f’Ħaż-Żebbuġ; faċilità akbar imqassma fuq seba’ sulari li tipprovdi aktar sodod speċjalizzati, bl-ispiża totali tlaħħaq il-€5 miljun.

Apparti minn hekk, l-ALS Malta teħtieġ fondi ukoll għal Dar Bjorn ta’ Ħal Qormi, dar residenzjali li fiha 13-il pazjent bl-ALS u kundizzjonijiet simili jgħixu u jingħataw kura medika b’xejn.

Bjorn Formosa, akkumpanjat mill-mara tiegħu Maria u pazjenti oħra,  radd ħajr lill-poplu Malti tal-ġenerożità filwaqt li offra messaġġ ta’ tama u kuraġġ.

“Din id-darba, apparti s-somma fenomenali li nġabret hija waħda inkredibbli, però tgħallimna ħaġa waħda. Minkejja d-diffikultà li għaddejjin f’Malta u fid-dinja kollha ħabba l-COVID-19 u 100 ostaklu li sibna quddiemna, xorta rnexxielna nagħmlu rekord ta’ ġbir, irduppjajna kważi r-rekord preċedenti. Iġifieri fil-ħajja, minkejja kull diffikultà, kull ostaklu li ssibu, dejjem tistgħu tirnexxu u tagħmlu dak li għandkom f’moħħkom. Taqtgħu qalbkom qatt għaliex xejn ma huwa impossibli. U llejla huwa l-akbar eżempju ta’ dan. Taqtgħu qalbkom qatt. Grazzi minn qalbi. Grazzi Malta. Inħobbkom kollha!”

Din il-Maratona kienet waħda krucjali għal dawn il-pazjenti hekk kif il-lista ta’ stennija li għandha l-ALS Malta taqbeż il-50 persuna.