Lokali Qorti

Karl Cini mhux se jixhed għalissa fl-inkjesta: Se jixhdu l-Kap tal-Iskwadra Kontra t-Terroriżmu u l-Professur Peter J. Baldacchino

Il-Bord ta’ Inkjesta dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia ddeċieda li Karl Cini, sieħeb Brian Tonna fil-kumpanija Nexia BT m’għandux jixhed għalissa wara li kien fil-lista biex ikun wieħed mix-xhieda nhar l-Erbgħa li ġejjin.

Kif kien ġie deċiż se jixhed is-Supretendent George Cremona li jmexxi l-Iskwadra ta’ Kontra t-Terroriżmu u issa ġie deċiż ukoll li jixhed iċ-Chairman tal-Accountancy Board il-Professur Peter J. Baldacchino.

Il-partijiet fil-każ ġew infurmati li Karl Cini li bħalissa jinsab fuq police bail wara li kien ġie arrestat u interrogat mill-Pulizija fuq tixħim ta’ flus u li fil-Qorti kellu l-assi kollha tiegħu u tal-kumpanija ffriżati mhux se jixhed għalissa.

Cini bħal Tonna u ħafna oħrajn fosthom l-eks Chief of Staff tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat kellu wkoll il-warrant tiegħu sospiża mill-Bord tal-Accountancy, immexxi mill-Professur Baldacchino.

Is-Supretendent George Cremona kien involut f’investigazzjonijiet twal u intensivi mill-Iskwadra li jmexxi li wasslu għall-arrest ta’ numru ta’ Maltin li allegatament kissru is-sanzzjonijiet li hemm imposti fuq il-Libja mill-Unjoni Ewropea (UE).

B’rabta ma’ dan il-każ ħames persuni kienu tressqu l-Qorti quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Victor Axiak u wieġbu mhux ħatja tal-akkużi. Huma ngħataw l-libertà proviżorja fuq diversi kundizzjonijiet.

L-investigazzjonijiet bdew wara li l-Pulizija kellha informazzjoni li kumpanija reġistrata Malta, allegatament, esportat żewġ opri tal-baħar lejn il-Libja mingħajr l-awtoriżżazzjoni tal-awtoritajiet Maltin.

Mill-istħarriġ li sar irriżulta li dan seħħ qrib Ġunju tas-sena l-oħra, wara li sar kuntratt kummerċjali bejn kumpanija Maltija u kumpanija oħra fl-Emirati Għarab Magħquda.

Il-kumpanija Maltija bagħtet l-imsemmija opri lejn il-Libja biex jintużaw għall-evakwazzjoni f’każ ta’ emerġenza fil-Libja tal-ħaddiema tal-kumpanija tal-Emirati Għarab Magħquda.

Is-Supretendent George Cremona, kien qal li “f’dan il-każ partikolari, l-investigazzjoni prinċipali kienet fuq il-ksur ta’ sanzjonijiet fuq il-Libja, però b’enfasi speċifika fuq possibilment ħasil ta’ flus”.

Għaldaqstant qabel ma bdew il-proċeduri tal-Qorti, intalbet dik li tissejjah ‘attachment order’ li ġiet approvata mill-Qorti Kriminali.” Is-Supretendent George Cremona u l-Ispettur Omar Zammit kienu ressqu lil sid ta’ kumpanija ta’ vapuri ta’ 41 sena residenti l-Mellieħa u erba’ impjegati tal-istess kumpanija.

Dawn jinkludu żewġt irġiel ta’ 63 sena u 45 sena residenti wkoll l-Mellieħa, raġel ta’ 47 sena residenti l-Floriana, u ieħor ta’ 44 sena residenti San Pawl il-Baħar, kif ukoll inħarġu akkużi fil-konfront tal-istess kumpanija.

Ġew akkużati li bħala cittadini Maltin u tal-Unjoni Ewropeja u bħala kumpanija reġistrata f’Malta rispettivament, mingħajr awtoriżżazzjoni, biegħu, trasferew jew esportaw, b’mod dirett jew indirett, żewġ opri tal-baħar tal-għamla ‘RHIBS’ reġistrati Malta.

Nhar il-Ġimgħa, 2 ta’ Ottubru mistennija jixhdu Paul Apap Bologna u Mark Gasan, li huma s-sħab ta’ Yorgen Fenech fid-deal tal-Electrgas u jista’ jkun li għandhom informazzjoni li tista’ tagħti aktar saħħa lill-Bord ta’ Inkjesta biex tasal għad-deċiżjoni finali tagħha.

Apap Bologna li huwa mportatur tal-mediċini u Gasan fost tnejn mid-diversi persuni nvoluti fid-deal tal-Electrogas u li għandhom persentaġġ għoli fl-isħma tal-powerstation li qajjmet tant kontroversarji fil-pajjiż.

L-inkjesta pubblika għandha l-għan li tiddetermina jekk l-Istat Malti setax ipprevjena l-qtil tal-ġurnalista. Daphne Caruana Galizia kienet inqatlet f’Ottubru tal-2017 permezz ta’ karozza bomba.

Tliet irġiel huma akkużati bil-qtil tagħha u il-kumpilazzjoni tal-evidenza għadha għaddejja. Qed jiġi mixli wkoll Yorgen Fenech fuq il-qtil, li jinsab mixli li bl-implikazzjoni ta’ dan l-omiċidju.