Coronavirus Lokali Saħħa

“Kriżi” fl-isptar Mater Dei – MUMN

Jekk il-Ministeru ma jagħmilx xi ħaġa fi żmien 48 siegħa, se jidħlu fis-seħħ id-direttivi

Il-Union tal-Infermiera u l-Qwiebel qed tirreġistra kriżi u tat ultimatum lill-Gvern minħabba s-sitwazzjoni kritika fit-Taqsima tal-Kura Intensiva tal-Isptar Mater Dei kif ukoll f’sezzjoni fis-swali tal-operazzjonijiet magħrufa bħala Pillar 4.

L-MUMN qalet li mhux ta’ b’xejn li l-infermiera qed iduru fuq il-union hekk kif l-ITU u Pillar 4 qed ibatu biex ilaħħqu mal-ammont kbir ta’ xogħol, filwaqt li t-tmexxija ta’ Mater Dei qed tonqos li tieħu l-azzjoni meħtieġa.

Fl-istqarrija tagħha, il-Union qalet li hemm kriżi ta’ emerġenza f’Mater Dei li l-Ministeru għandu jsolvi u jekk fi żmien 48 siegħa ma jitteħdux id-deċiżjonijiet meħtieġa, se jidħlu fis-seħħ direttivi fl-ITU u fis-swali tal-operazzjonijiet.

It-Taqsima tal-Kura Intensiva mimlija pazjenti, in-nuqqas ta’ infermiera u numru kbir ta’ każi ta’ Covid fl-istess taqsima ġabu magħhom kollass tas-sistema, kompliet tgħid l-MUMN.

L-istess union saħqet li l-protokolli li kienu jitħaddmu sa ftit ilu issa qed jiġu injorati konvenjentement mit-tmexxija tal-isptar. Dawn il-protokolli jitolbu li meta jkun hemm numru kbir ta’ pazjenti tal-Covid fit-Taqsima tal-Kura Intensiva, l-operazzjonijiet mhux urġenti jitnaqqsu sabiex ikun hemm aktar infermiera disponibbli biex jaħdmu f’din it-taqsima.

L-MUMN staqsiet għaliex dawn il-protokolli ntremew u mhux qed jitħaddmu kif suppost u nsistiet li jiġu posposti l-operazzjonijijet mhux urġenti. Saħqet ukoll li infermiera ġodda fl-ITU ma jtaffux il-pressjoni għaliex infermier ġdid irid tal-anqas tmien ġimgħat biex jitgħallem jopera ventilator,

Il-Union qalet li ma tistax tifhem kif il-Ministeru tas-Saħħa kien waqqaf l-operazzjonijiet minuri lura f’Marzu meta pajjiżna kellu biss ftit każi ta’ Covid, u issa li pajjiżna għandu fost l-ogħla numru ta’ każi fl-Ewropa qed jibqgħu isiru dawn l-operazzjonijiet daqs li kieku m’għandniex kriżi fil-pajjiż.