Lokali

L-Erbgħa se ssir sessjoni speċjali tal-votazzjoni

Fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista għaddejjin l-aħħar tħejjijiet għal sessjoni oħra ta’ Votazzjoni Bikrija fl-elezzjoni għall-Kap tal-Partit. Dan hekk kif l-Erbgħa, persuni bi problemi ta’ mobbiltà u dawk li jeħtieġu assistenza se jkunu jistgħu jivvutaw fid-Dar Ċentrali.

Għalihom, il-Kummissjoni Elettorali ddedikat sitt sigħat – bejn is-2pm u t-8pm – fejn se tkun assigurata l-aċċessibbiltà u l-privatezza kollha għal dawk li applikaw mal-Kummissjoni biex jivvutaw f’din is-sessjoni speċjali.

Sal-ewwel żewġ sessjonijiet ta’ Votazzjoni Bikrija – li nżammu l-Ġimgħa u s-Sibt – diġà vvutaw 48 fil-mija tat-Tesserati eliġibbli. Dan juri l-entużjażmu fost it-Tesserati tal-Partit Nazzjonalista għal dan il-proċess demokratiku.

Fis-sessjonijiet kollha tal-Votazzjoni, il-Kummissjoni Elettorali rat li jkunu segwiti r-regoli kollha mitluba mill-awtoritajiet tas-saħħa fid-dawl tal-pandemija tal-Coronavirus … partikolarment ir-regoli tal-iġjene, l-ilbies ta’ maskri u visors, kif ukoll li tinżamm id-distanza soċjali.

Wara s-sessjoni tal-Erbgħa, il-kumplament tat-Tesserati eliġibbli se jkunu jistgħu jivvutaw ukoll il-Ħamis u l-Ġimgħa, bejn is-6pm u d-9pm. Is-sessjoni propja tal-elezzjoni hi s-Sibt bejn it-8am u l-4pm f’Malta, u bejn it-8am u s-2pm f’Għawdex.

Fis-sessjonijiet ta’ bejn il-Ħamis u s-Sibt, il-postijiet tal-votazzjoni huma 18: l-uffiċċju tal-AZAD fil-Belt Valletta u d-Dar Ċentrali f’Tal-Pietà, kif uoll fil-Każini tal-Partit Nazzjonalista fl-Isla, iż-Żejtun, Ħal Tarxien, iż-Żurrieq, is-Siġġiewi, Ħal Luqa, ir-Rabat, Ħal Balzan, Birkirkara, l-Imsida, is-Swieqi, Ta’ Xbiex, Tas-Sliema, in-Naxxar, il-Mellieħa u Ta’ Sannat f’Għawdex.

Biex jivvota, wieħed irid jieħu miegħu dokument uffiċjali ta’ identifikazzjoni u l-ittra li rċieva bil-posta, li minnha nfisha hi meqjusa bħala Dokument tal-Vot. Madankollu, min għal xi raġuni ma rċeviex din l-ittra jista’ xorta jmur jivvota u jieħu miegħu d-dokument ta’ identifikazzjoni.