L-ewwel jum tal-iskola għall-għalliema kienet ikkaratterizzata minn stat ta’ paniku assolut kawża tan-nuqqas ta’ ppjanar li l-iskejjel Maltin u Għawdxin qed iħabbtu wiċċhom magħhom.
Dan ingħad fi stqarrija maħruġa mill-Union tal-Edukaturi Professjonisti fejn skont rapporti li rċeviet, jidher li s-sitwazzjoni fl-iskejjel hija waħda kaotika għall-aħħar ….fejn saħansitra ġie rrapportat li hemm klassijiet mhux mnaddfa kif ukoll staffrooms ippakkjati, bl-imwejjed mrassin u b’nuqqas ta’ distanza fiżika kif stipulati mill-protokolli maħruġa mill-Awtoritajiet tas-Saħħa.
Ingħad, li f’każ partikolari – kamra li suppost jinqiegħdu fiha 6 adulti skont il-miżuri ta’ distanza soċjali, qed jiġi rrapportat li tqiegħdu fiha 30 għalliem.
Il-UPE spjegat li l-edukaturi ngħataw time-table ġdida u għaldaqstant saħqet li dak kollu li ħejjew għalih kien kollu ta’ xejn. Dan filwaqt li ġie rrapportat li numru ta’ LSEs qalu li filwaqt li provdew siġġijiet kemm għall-istudenti kif ukoll għall-għalliema bil-miżuri kollha ta’ mitigazzjoni, huma ġew minsija.
Intant, twasslu diversi lmenti li l-konnessjoni tal-internet f’diversi skejjel ma kienet stabbli xejn u għaldaqstant l-għalliema ma setgħux jidħlu fil-pjattaformi online sabiex jagħmlu xogħolhom. Dan kollu ġimgħa ‘il bogħod minn meta l-istudenti jerġgħu jidħlu lura fil-klassijiet…u 24 siegħa biss wara li l-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici ma offra l-ebda serħan il-moħħ lill-ghalliema u l-ġenituri.
Għaldaqstant il-UPE qed tappella lill-membri tagħha sabiex jirrapportaw kull każ li jmur kontra l-protokolli maħruġa bil-għan li tkun tista’ taffronta lilll-Ministeru bl-evidenza f’idejha.
//= $special ?>