Futbol Sport

Rebħiet għal Liverpool u Aston Villa

(Ritratt: EPA)

Liverpool kisbu rebħa ta’ 3-1 fuq Arsenal f’ Anfield. Minkejja li Liverpool iddominaw il-pusses tul il-partita kollha, kienu Arsenal li fetħu l-iskor man-nofsiegħa logħob meta minn cross fuq ix-xellug ta’ Maintland-Niles, Robertson naqas milli jtajjar u kien LACAZETTE li xeħet wara Alisson.

Il-Gunners damu jgawdu l-vantaġġ biss żewġ minuti meta l-konklużjoni ta’ Salah kienet parzjalment salvata minn Leno, b’SADIO MANE jikkonkludi mill-viċin għal 1-1. Liverpool marru fil-vantaġġ fl-34 minuta meta l-cross ta’ Alexander-Arnold, sab lil ANDY ROBERTSON li wara li kkontrolla qabbeż b’eleganza minfuq Leno. Liverpool kellhom jistennew sat-88 minuta biex jaċċertaw mit-tliet punti meta l-akkwist il-ġdid mingħand Wolves DIEGO JOTA għamilhom 3-1.

Aston Villa kisbu t-tieni rebħa konsekuttiva meta fi Craven Cottage għelbu lil Fulham 3-0. Aston Villa fetħu l-iskor wara erba’ minuta permezz ta’ JACK GREALISH. Huma rduppjaw mal-kwarta logħob permezz ta’ CONOR HOURIHANE. TYRONE MINGS għamilhom 3-0 fit-48 minuta.

Intant illejla kien konfermat ukoll li mill-1,595 test li saru tal-coronavirus, ħarġu għaxar każijiet pożittivi. Din kienet l-għola rata ta’ każijiet pożittivi minn kemm -il darba saru t-testijiet fil-Premier League.