Lokali Saħħa

Titnieda l-kampanja #MyReality tal-Fondazzjoni Richmond

#MyReality … kampanja nazzjonali tal-Fondazzjoni Richmond u l-NGO Hearing Voices Malta, li tnediet online biex toħloq għarfien akbar dwar il-psikożi madwar il-pajjiż, filwaqt li teduka lill-poplu Malti jikkoreġi l-użu tal-lingwaġġ dwar il-psikożi.

Din il-problema ta’ saħħa mentali taffettwa l-personalità, problema li għandha stigma akbar mid-dipressjoni u l-ansjetà għax ftit huma n-nies li jesperjenzaw il-psikożi fil-ħajja ta’ kuljum. B’din il-kampanja, aktar pazjenti jkunu jistgħu jemmnu fihom infushom u jgħixu ħajja normali bħall-oħrajn.

Fost l-aġiri estremi li pazjent iġarrab bil-psikożi hemm l-alluċinazzjoni, li huma sensi li wieħed jipperċepixxi li ħaddieħor ma jkunx, bħala vuċi titkellem jew li wieħed jara lil xi ħadd li ma jkunx hemm. Aġir estrem ieħor hija d-delużjoni, meta bniedem ikollu ħsieb li tkun qed jemmnu hu biss u ma jirnexxilux jikkonvinċi lilu nnifsu li dan mhux minnu.

Fost l-inizjattivi li se jittieħdu fil-kampanja #MyReality miż-żewġ entitajiet huma li se jsiru intervisti ma’ nies li esperjenzaw psikożi biex jintużaw f’podcasts u filmati li se jittellgħu fuq il-mezzi soċjali.

L-istudenti Universitarji tad-Dipartiment tas-Saħħa Mentali wkoll ikkontribwew għal din il-kampanja b’filmat promozzjonali li ttella’ fuq il-mezzi soċjali.

Din il-kampanja qed issir taħt il-patroċinju tal-President ta’ Malta, George Vella, li f’indirizz fit-tnedija saħaq li ħadd m’għandu jistħi mill-psikożi u l-Maltin għandhom jaħdmu għal soċjetà aktar ġusta ma’ dawn il-pazjenti, partikolarment billi wieħed iqis kliemu, għax xi darba jew oħra se taffettwa lil kulħadd f’perjodi differenti ta’ ħajjithom

George Vella ngħaqad mal-predeċessur tiegħu, Marie Louise Coleiro Preca, kif ukoll mal-Kummissarju tas-Saħħa Mentali, John Cachia, biex jikkundannaw kwalunkwe ħsieb li tilleġiżla favur l-użu rikreattiv tal-kannabis għall-kura tas-saħħa mentali għax toħloq effetti organiċi negattivi fil-moħħ, riskju kbir li ma jagħmilx ġid liż-żgħażagħ.

Fit-tnedija tal-kampanja nazzjonali pparteċipaw ukoll il-Kelliema tal-Oppożizzjoni Ivan Bartolo u Claudette Buttigieg.