Lokali

Bernard Grech jappoġġja l-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista dwar SOFA

Bernard Grech
“ M’huwiex aċċettabbli f’soċjetà demokratika li l-Kabinett jaqbad u jbaxxi rasu għal qbil fuq din il-materja mingħajr ma jassiguarw kunsens nazzjonali”

Il-kandidat ghall-elezzjoni ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista l-Avukat Bernard Grech isostni li s-sovranità ta’ pajjiżna m’għandha qatt tkun kompromessa u huwa jappoġġja l-pożizzjoni kif imfissra minn Dr Adrian Delia u minn Dr Carmelo Mifsud Bonnici.

Bernard Grech sostna li mhux aċċettabbli li xi Gvern Malti jinnegozja kwestjonijiet bħal dawk li jissemmew fl-Status of Forces Agreement (SOFA) mingħajr ebda konsultazzjoni mal-Oppożizzjoni. M’huwiex aċċettabbli f’soċjetà demokratika li l-Kabinett jaqbad u jbaxxi rasu għal qbil fuq din il-materja mingħajr ma jassiguarw kunsens nazzjonali. 

Il-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna, maqbula b’kunsens fil-Parlament ma tippermettix li s-sovranità tagħna tiġi innegozjata b’dan il-mod li wera l-Prim Ministru Robert Abela s’issa.

Bernard Grech, filwaqt li jappoġġja kull ħbiberija u impenn reciproku fl-interess komuni tal-poplu Malti u dak Amerikan, specjalment fil-glieda kontra il-kriminalita internazzjonali, jappoġġja l-pożizzjoni kif imfissra mill-Partit Nazzjonalista fl-istqarrijiet tiegħu, u jappella lill-Gvern Amerikan sabiex japprezza u jirrispetta l-bażi kostituzzjonali ta’ pajjiżna fuq kwestjonijiet bħal dawk li xi ftehim bħal SOFA jistgħu jikkompromettu.