Lokali

“Għaqda b’lealtà għal partit tagħna u għal Malta tagħna” – Adrian Delia

“Kap waħdu mhux partit, tmexxija waħedha mhux partit. It-tesserati u n-nies hemm barra huma l-partit. Jemmnu fina għaliex aħna rridu għaqda b’lealtà għal partit tagħna u għal Malta tagħna”Dan kien il-messaġġ li wassal il-Kap tal-PN Adrian Delia fi tmiem dibattitu bejn iż-żewġ kandidati għat-tmexxija tal-partit.

Adrian Delia saħaq li partit immexxi minnu se jkompli jgħin lin-nies, jiddistribwixxi l-ġid waqt li jiggverna filwaqt li jkisser il-korruzjoni.

Waqt id-dibattitu, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li fis-snin kollha li ħadem bħala avukat, dejjem iddikjara l-ammonti kollha tat-taxxa. Hu saħaq li l-mexxejja tal-PN għandu jkollhom is-saħħa li meta jħarssu lejn il-Gvern u jikkritikawh jistgħu imorru wiċċhom minn quddiem.

Meta kien qed jitkellem dwar l-għaqda fil-partit, Adrian Delia qal li l-għaqda tiġi meta jkun hemm rieda tajba miż-żewġ naħat. Hu saħaq li prova jaħdem ma kulħadd, ma ħalla lil ħadd barra u stieden lil kulħadd, pero stqar li l-għaqda trid tkun b’lealtà sinċiera u ġenwina.

Adrian Delia qal li l-PN ċertament mhux partit li se jkollu l-koruzzjoni li għandu dan il-Gvern fejn fakkar li l-poplu Malti u Ghawdxi qed jinsteraq. Hu qal li l-PN kapaċi jigverna, iwaqqaf l-kuntratti korrotti u mill-flus li jiffranka l-pajjiż, jinqasam il-ġid fil-penzjonijiet, fil-ġlieda kontra l-faqar, fl-edukazzjoni, fix-xogħol u fil-futur ta’ uliedna.

Il-Kap tal-PN saħaq li rridu nkunu viġilanti ta’ x’hinu l-prezz li qed inħallsu għall-korruzzjoni tal-Gvern, il-prezz li nitilfu s-sovranità ta’ pajjizna. Hu qal li se jibqa’ jaħdem biex kollox ikun investgat u biex kulħadd iħallas ta’ għemilu fejn l-ebda gvern ma jidħaq bin-nies.

Fost il-punti li qajjem Adrian Delia, kien hemm il-ħidma tiegħu tul dawn l-aħħar snin fejn fakkar fil-fergħa taż-żgħażagħ TeamStart PN li bdiet taħt it-tmexxija tiegħu kif ukoll il-vot storiku li ttieħed fil-Parlament rigward id-dikjarazzjoni ta’ stat ta’ emergenza fil-klima.