Internazzjonali

Il-battalji f’Nagorno-Karabakh: Mietu ‘il fuq minn 100, fosthom ċivili, bil-ġlied ma jbattix

Inqatlu ‘il fuq minn 100 persuna, fosthom ċivili, fost il-battalji kontinwi bejn il-qawwiet tal-Armenja u l-Ażerbajġan li ilhom għaddejjin minn tmiem il-ġimgħa. Dan meta l-pajjiżi avversarji taw spinta ġdida – u qattiela – lill-konflitt antik dwar il-jeddijiet rispettivi fuq ir-reġjun ta’ Nagorno-Karabakh.

It-territorju ta’ Nagorno-Karabakh, iddominat mill-muntanji, hu rikonoxxut bħala parti mill-Ażerbajġan iżda ilu jitmexxa mill-Armeni mindu ntemmet il-gwerra tal-1994 f’dawk l-inħawi.

Intant, l-awtoritajiet f’Nagorno-Karabakh — li ddikjaraw status ta’ repubblika għar-reġjun – fl-aħħar sigħat irrappurataw ‘il fuq minn 80 mejtin fost il-militar (wara l-aħħar jiem ta’ battalji) flimkien ma’ diversi vittmi ċivili.

L-Ażerbajġan ma żvelax ċifri assoċjati mat-telf ta’ militar iżda kkonferma l-mewt ta’ madwar għaxar ċivili Ażeri fl-aħħar ġlied.

L-aħħar indikazzjonijiet kienu li l-battalji bejn l-Armeni u l-Ażeri kellhom jaqbżu ‘dalwaqt’ il-periferiji ta’ Nagorno-Karabakh – fost il-konsegwenzi qattiela għal ċivili residenti f’territorji oħrajn.

Il-Ministeru tad-Difiża Armen qal li xarabank tal-passiġġieri ntlaqat minn drone tal-Ażerbajġan waqt li kein għaddej mill-belt ta’ Vardenis. Ma ħarġux rapporti ta’ vittmi f’dan il-każ.

Fl-istess ħin, l-Ażerbajġan qal li numru ta’ ċivili f’artu nqatlu ‘minn bumbardamenti tal-qawwiet Armeni’ wara li l-istess destin kien mess lil familja ta’ ħamsa, fil-bidu tal-ġimgħa.

Il-battalji li għaddejjin bħalissa dwar il-kontroll ta’ Nagorno-Karabakh huma l-aktar ħorox mill-2016 ‘il hawn – bl-Armenja u l-Ażerbajġan it-tnejn qed joħorġu stqarrijiet biex jesprimu ‘fiduċja fir-rebħa eventali’.

Sadanittant, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti kien qed iħejji taħditiet ta’ emerġenza dwar il-konflitt li kapaċi jħalli effetti anki għall-ekonomija internazzjonali.

L-Armenja u l-Ażerbajġan – li fl-aħħar sigħat immobilizzaw aktar suldati biex jissieħbu fil-battalji – it-tnejn qegħdin iwaħħlu f’xulxin bħala ‘il-kaġun’ tal-aħħar kriżi.

Dan fost il-preokkupazzjoni li pajjiżi oħra jistgħu jissieħbu direttament fil-konflitt li ħakem ir-reġjun strateġiku tal-Kawkasu.